Disgħin priġunier Palestinjan inħelsu bħala parti mill-ftehim għall-waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Hamas. Fost dawk meħlusa hemm 69 mara u 21 tifel.
Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters, il-parti l-kbira ta’ dawk li nħelsu fl-aħħar sigħat kienu ġew arrestati riċentament u kien għad m’għaddewx proċeduri jew ikkundannati. Min-naħa l-oħra, kien irrapportat li l-Hamas ħeles tliet ostaġġi Iżraeliti.
Fl-ewwel fażi ta’ dan il-ftehim, l-Iżrael mistenni jeħles madwar 1,900 priġuner Palestinjan waqt li l-Hamas mistenni li jeħles 33 ostaġġ Iżraeljan.
Ilbieraħ bdew ukoll jiġu ċċirkolati ritratti u filmati ta’ dawk meħlusa fosthom Emily Damari, Romi Gonen u Doron Steinbrecher, li dehru emozzjonati ferm u bid-dmugħ f’għajnejhom waqt li jgħannqu lill-familjari tagħhom.
Sadanittant, matul il-jum tal-Ħadd, aktar minn 630 trakk b’għajnuna umanitarja waslu f’Gaża. Fl-aħħar ġimgħat kienu qed jaslu bħala medja 40 trakk biss, filwaqt il-qabel il-kunflitt, madwar 500 trakk kienu jidħlu f’Gaża kuljum.