Friday, November 1, 2024

Meħlusa l-passiġġieri kollha li nqabdu f’cable car fil-Pakistan

Aqra wkoll

Sitt itfal u żewġ adulti li għal sigħat sħaħ kienu maqbudin f’cable car f’għoli ta’ mijiet ta’ metri ġew meħlusa f’operazzjoni ta’ salvataġġ delikata u riskjuża fil-Pakistan.

Fl-operazzjoni, li ħadet ħin twil, intuża ħelikopter militari biex salva tifel wieħed, filwaqt li timijiet ta’ salvataġġ fuq l-art irkupraw lill-kumplament tal-passiġġieri fi dlam ċappa.

It-tmiem passiġġieri kienu sejrin lejn l-iskola meta wieħed mill-cables inqata’ u ħalla l-vagun imdendel b’mod prekarju f’għoli ta’ 900 pied ‘l fuq mill-art u f’riħ qawwi.

Il-missjoni ta’ salvataġġ, li inkludiet fiha l-armata tal-Pakistan, kienet “estremament diffiċli u perikoluża”. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7.00 a.m. (ħin lokali) tal-bieraħ qrib il-belt ta’ Battagram, fil-provinċja ta’ Khyber Pakhtunkhwa.

Wieħed mit-tfal għandu ibati minn kundizzjoni f’qalbu u ntilef minn sensih għal diversi sigħat wara li ħassu ħażin kaġun tas-sħana u l-biża’ li qabdu.

Is-sistema tal-cable cars fejn ġara l-inċident hi magħrufa min-nies tal-lokal bħala “Dolly”, il-funikular li jgħaqqad ir-raħal ta’ Jangri ma’ Batangi, fejn tinsab l-iskola.

Waqt is-salvataġġ, minbarra r-riħ qawwi, kien hemm il-biża’ li x-xfafar tal-iskrun tal-ħelikopter setgħu jiddestabilizzaw aktar il-cable car. Iżda t-tentattivi tas-salvataġġ komplew bl-għajnuna ta’ esperti u nies lokali fuq l-art.

Allai hija żona muntanjuża, li tinsab f’għoli ta’ 2000m ‘il fuq mil-livell tal-baħar. L-insedjamenti huma mifruxa ‘l bogħod u hemm ftit infrastruttura bħal toroq u faċilitajiet bażiċi.

Fil-biċċa l-kbira taż-żona, il-cable cars improvvizzati jintużaw regolarment għat-trasport minn muntanja għal oħra. Dak involut f’dan l-inċident huwa maħsub li kien operat privatament mir-residenti.

Sport