Bla dubju li waħda mill-aktar affarijiet li bħalissa qed jinkwetaw lin-nies huwa t-traffiku li ħafna drabi qed ikun staġnat minħabba tiswijiet jew mill-bini ġdid ta’ toroq madwar pajjiżna. Huwa tajjeb li t-toroq jiġu modernizzati wara snin mitluqin iżda biex dan isir sew jeħtieġ li l-awtoritajiet responsabbli jippjanaw minn qabel jibdew ix-xogħlijiet.
Nemmnu li waqt li jsiru x-xogħlijiet bla dubju li jinħolqu ċertu inkovenjenzi u dan l-iktar minħabba ċ-ċokon tagħna bħala pajjiż li ħafna drabi jkun diffiċli biex tinstab alternattiva ta’ rotot. Waħda mill-inizjattivi li tista’ twassal biex tonqos il-konġestjoni fit-toroq hija t-tħabbira fil-budget li għadda illi minn Ottubru li ġej it-trasport pubbliku se jkun b’xejn għal kulħadd.
Nittamaw li dan il-fatt jiġi abbraċċat mill-poplu u jibda juża aktar it-trasport pubbliku. Però qabel isir dan, jeħtieġ li t-trasport pubbliku jitjieb, jiġi modernizzat u jkun verament fi stat li jaqdi l-ħtiġijiet ta’ min juża dan il-mezz ta’ trasport. Dan ukoll għandu benefiċċju ambjentali għaliex inaqqas mit-tniġġiż tal-arja ġġenerat mill-karozzi għaliex huwa fatt magħruf li għad-daqs ta’ pajjiżna hawn wisq karozzi privati. It-trasport pubbliku b’xejn jista’ jkun ta’ inċentiv biex ikun hemm inqas inċidenti, anke fatali, fit-toroq tagħna.
Irridu nkunu realistiċi u nammettu li għalkemm meta jseħħu inċidenti ħadd ma jieħu gost bihom, dawn xorta waħda se jibqgħu jseħħu għaliex il-karozzi f’pajjiżna komplew jiżdiedu. L-inċidenti ma jseħħux biss minn żieda fil-karozzi fit-toroq imma jseħħu wkoll minħabba l-pressjoni u l-għaġġla li sfortunatament iddaħħlet fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna.
Għalhekk, f’dan ir-rigward jeħtieġ li l-awtoritajiet konċernati jagħfsu aktar fuq l-infurzar tar-regolamenti tat-traffiku. Dan jista’ jfisser ukoll illi qabel jingħataw liċenzji tas-sewqan ġodda jkun assigurat illi min jingħata l-liċenzja jkun jaf sew il-kodiċi tas-sewqan jew kif inhu magħruf, il-Highway Code.
Jekk isir dan kollu, ikun jaqbel għas-sewwieqa kif ukoll għal min ikun miexi fit-triq jew għal min riekeb f’karozza.