Monday, December 23, 2024

Mejju ġab fi tmiemha r-rebbiegħa meteoroloġika b’temperaturi ogħla mill-medja

Aqra wkoll

Tul ix-xahar ta’ Mejju, it-temperatura tal-arja varjat bejn 13.3°C irreġistrata fid-disa’ jum tax-xahar u massimu ta’ 32.3°C. Din it-temperatura massima nltaħqet fis-16 ta’ Mejju hekk kif il-gżejjer Maltin kienu qed jesperjenzaw erbat ijiem b’temperaturi għoljin (warm spell).

B’medja ta’ 21.2°C, it-temperatura tal-arja kienet ogħla min-norma klimatika b’1.4°C. It-temperatura medja tal-baħar ukoll kienet ogħla min-norma klimatika ta’ 18.0°C b’1.8°C.

F’Mejju tkejlu 286.4 sigħat ta’ xemx, bl-aktar jumejn imdawlin tax-xahar – l-ewwel u l-ħames jum – it-tnejn igawdu x-xemx għal 12.6 sigħat. Min-naħa l-oħra, l-aktar jum imdallam tax-xahar kien it-18 ta’ Mejju, fejn matulu x-xemx ħarġet biss għal 0.8 sigħat.

B’total ta’ xita ta’ 28 mm, Mejju kien aktar imxarrab min-norma klimatika (8.5 mm) u t-tieni l-aktar xahar li fih niżlet xita din is-sena sa issa. 97% minn dan it-total tkejlu fis-27 ta’ Mejju. Fl-istess jum, l-unika maltempata bir-ragħad u s-sajjetti kienet irrappurtata mill-Uffiċċju Meteoroloġiku.

Ix-xahar ta’ Mejju kien wieħed mirjieħ, b’veloċità medja tar-riħ ta’ 10.2 knots, li hija konsiderevolment ogħla min-norma klimatika ta’ 8.6 knots. Fit-tielet jum ta’ Mejju, tkejlet il-buffura massima tax-xahar li kienet qed tonfoħ mill-Punent Majjistru b’veloċità ta’ 41 knots. Trab sospiż fl-arja ġej mis-Saħara ġie rrappurtat fl-10 u l-15-il jum tax-xahar.

Ekonomija

Sport