Ix-xahar li għadda ħaseb biex isaqqi l-uċuħ tar-raba’ qabel tibda n-nixfa tas-sajf. Fil-fatt, ix-xahar ta’ Mejju kien iżjed milwien min-norma klimatika hekk kif eżatt f’nofs ix-xahar, sistema ta’ pressjoni baxxa li żviluppat fuq l-Alġerija ġabet magħha temp instabbli fuq iċ-ċentru tal-Mediterran u maltempata fuq il-Gżejjer Maltin.
Matul ix-xahar, l-Uffiċċju Meteoroloġiku kejjel 36.6 mm xita, jiġifieri 26.3 mm aktar mill-kwota tax-xahar. Dan ifisser li mill-ewwel ħames xhur tas-sena, tlieta kienu aktar milwiena mis-soltu (Frar, Marzu u Mejju), filwaqt li tnejn kienu iżjed xotti (Jannar u April).
Kważi x-xita kollha tax-xahar tkejlet madwar il-15 ta’ Mejju, meta maltempata bis-sajjetti u bil-buffuri tar-riħ għaddiet minn fuq il-Gżejjer Maltin. Dakinhar kien ukoll l-aktar jum mudlam tax-xahar, bl-Uffiċċju Meteoroloġiku jkellek biss siegħa waħda xemxija.
Mejju ma kienx nieqes ukoll mill-jiem mirjieħa, bil-qawwa medja tar-riħ tkun dik ta’ 9.3 knots, ftit aktar min-norma klimatika. L-aktar buffura tar-riħ b’saħħitha tkejlet fil-15 ta’ Mejju. Din nefħet min-nofsinhar ix-xlokk u laħqet il-35 knot.
Ħarsa lejn it-temperaturi turina kif l-aħħar xahar tar-rebbiegħa meteoroloġika kien 1.6°C aktar sħun min-norma klimatika, hekk kif it-temperatura medja tax-xahar kienet dik ta’ 21.6°C. L-ogħla temperatura tax-xahar telgħet għal 28.7°C fil-5 ta’ Mejju, filwaqt li l-aktar lejl kiesaħ kien dak tat-3 ta’ Mejju, meta l-merkurju niżel għal 15.1°C.