Thursday, December 26, 2024

Melanie Martins: Il-ħajja hija qasira biex tiddubita minnek innifsek

Aqra wkoll

Awtriċi tal-ktieb Blossom in Winter li huwa mfittex ħafna f’Malta; xewqa li tippubblika t-tieni ktieb sa tmiem l-2020

Minn MARIA AZZOPARDI

Kif tiddeskrivi lilek innifsek u x’wasslek biex tagħżel il-karriera ta’ kittieba?

Jiena it-tip ta’ persuna li nsegwi l-ħolm tiegħi u nagħmel dak li jagħmilni kuntenta. Qatt ma kelli xogħol korporattiv u meta kelli 19-il sena kont waqaft mill-iskola tal-liġi biex minn hemm nibda nivvjaġġa madwar id-dinja. Jiena u nikber, minn dejjem kont inħobb nikteb stejjer fittizji (fiction)  imma minħabba li kont influencer u travel blogger l-aktar li kont nikteb kien dwar il-vjaġġi tiegħi. Sakemm 16-il xahar ilu ddeċiedejt li nieqaf nivjaġġa u nikteb ir-rumanz tad-debutt tiegħi.

X’inhu l-messaġġ prinċipali tal-ewwel ktieb ‘Blossom in Winter’?

Il-qawwa tal-imħabba kontra l-qawwa ta’ dak li huwa soċjalment aċċettabbli. Ir-rumanz Blossom in Winter jesplora relazzjoni li soċjalment mhix aċċettabbli bejn persuna li għandha 17-il sena, kważi 18-il sena, u l-parrinu tagħha li għandu erbgħin sena u li huwa wkoll l-aqwa ħabib tal-Papà tagħha.  Ir-rumanz jiffoka fuq ir-relazzjoni nnifisha minn żewġ naħat: in-naħa tal-maħbunin Petra u Alex, u n-naħa tal-ġenituri tagħha, Tess Hagen u Roy Van Gatt. Nemmen li l-qarrej jista’ jirrelata maż-żewġ naħat u faċilment jista’ jidħol fiż-żarbun tagħhom.

X’mesaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk in-nisa li forsi huma interessati li jiktbu ktieb imma jaqtgħu qalbhom minħabba l-fatt li jħossuhom inferjuri u jibżgħu minn dak li jaħsbu n-nies?

Fil-verità ma tantx nara rġiel jiktbu rumanzi fittizji speċjalment fil-ġeneru tiegħi li jikkonċerna l-imħabba.  Id-dinja tal-letteratura u l-pubblikazzjoni tal-lum hija predominata minn bosta nisa li huma edituri, pubblikaturi, awturi ta’ stejjer popolari ħafna, aġenti, fost rwoli importanti oħra.

Naħseb il-fatt li forsi mara tħoss il-biża’ minħabba l-fatt ta’ x’jistgħu jaħsbu n-nies, hija biża’ li tiġi mill-persuna nnifisha iżda nassigurahom li l-biżgħat tagħhom stess ma tirriflettix ir-realtà. Fil-fatt, l-awturi l-aktar sinjuri fid-dinja huma nisa. Fl-ewwel fil-klassifika hemm J.K. Rowling u E.L James li hija l-awtriċi li l-aktar biegħet kotba fl-aħħar għaxar snin.

Il-ħajja hija qasira wisq biex taħli l-ħin taħseb dwar biża’ kunċettwali li tkun imposta minnha nnifisha. Minflok tibża’, aħseb dwar dawk in-nies bħala xerrejja futuri u l-ikbar ammiraturi tiegħek. Nissuġġerixxi wkoll biex jaqraw kotba fil-ġeneru li jridu jiktbu peress li jgħinhom biex isiru aktar kunfidenti u siguri dwar il-kitba. Ladarba jkollok l-ewwel abbozz, aqsamha ma’ ħafna nies kemm tista’ biex tiġbor l-opinjonijiet. Meta għamilt l-ewwel abbozz tiegħi, naħseb bagħat il-kopja diġitali lil mill-inqas 1000 mara li qatt ma rajt qabel, biex nirċievi rispons mingħandom. Tajjeb jew ħażin tawni l-opinjonijiet tagħhom u għenuni ntejjeb.

Bħalma Napoleon Hill kien jgħid “Kwalunkwe ħaġa li l-moħħ jista’ jikkonċepixxi u jemmen, il-moħħ jista’ jikseb”.  Fi kliem ieħor jekk għandek xewqa kbira li tagħmel xi ħaġa jew li twettaq xi ħaġa, u jekk tassew temmen li tista’, xejn u lanqas ħadd ma jwaqqfek milli tikseb dak li tixtieq! Imma jekk tassew ma tkunx tixtieqha b’qalbek u bir-ruħ kollha jew għandek dubju fuq il-ħila tiegħek biex twettaqha, int diġà tkun qed titlef. Kollox iseħħ l-ewwel f’moħħok u fil-fond ġewwa fik u kulma jimmaterjalizza huwa biss riżultat ta’ dan! Allura ħobb u emmen fik innifsek. M’għandek qatt tieħu ‘le’ bħala tweġiba u qatt tisma’ mingħand xi ħadd li jgħidlek li m’intix tajba biżżejjed!  Il-ħajja hija qasira biex tiddubita minnek innifsek!

X’inhu l-irwol tal-kotba fid-dinja tal-lum? Kif tara l-futur tal-kitba jevolvi u x’inhuma l-pjanijiet personali għall-futur?

In-nies iħobbu jaqraw. Forsi fid-dinja tal-lum jistgħu jaqraw iktar fuq Kindle jew l-ismartphone tagħhom, iżda xorta jaqraw ħafna, speċjalment in-nisa u fil-ġeneru tar-rumanz dwar l-imħabba. L-awturi qed isiru dejjem aktar konnessi mal-qarrejja tagħhom, joffru kopji ffirmati fuq il-websajt tagħhom, iżommu lill-ammiraturi tagħhom aġġornati bil-fuljetti, il-posts fuq il-midja soċjali, u ma’ gruppi ta’ Facebook biex jaqsmu teasers tal-kotba futuri tagħhom. Jien personalment qed nippjana li nagħmel it-tieni ktieb wara Blossom in Winter  u nisperaw li jirnexxieli nippulikah sa tmiem l-2020.

Kif semmejt int stess, int magħrufa wkoll bħala persuna li tħobb tivvjaġġa u tesplora ħafna. Għaliex għażilt lil Malta u kif din ispiratek fil-kitba tiegħek? Semmi xi ħaġa li tinsab f’Malta u li ma sibtix f’pajjiż ieħor. 

Meta ġejt hawn l-ewwel darba niftakar kemm ħabbejt il-Belt Valletta li hija fejn kont qed noqgħod dak iż-żmien. Il-Belt Valletta għandha storja tant rikka li ma tistax ma tħossiex hekk kif timxi tul il-baħar Mediterran. 

Minn dejjem kont tifla li nħobb il-gżejjer, u jekk żżid storja, nies sbieħ, u ikel tajjeb, tajjeb, allura tassew se nħobb dak il-post. Napprezza ħafna l-istil ta’ ħajja sempliċi li ħafna minnha forsi ma tantx jagħtuh importanza: il-fatt li x-xemx tiġi fuq wiċċi waqt li nkun bilqiegħda fit-terrazzin u nixrob l-espresso kiesaħ; jew il-mixjiet fil-promenade ta’ Sliema waqt li nħares lejn l-orizzont ikkaratterizzat mid-dgħajjes tal-qlugħ; jew l-ilma ċar daqs il-kristall ta’ Kemmuna  li huwa bħallikieku tkun qiegħed f’Bora Bora jew fil-Maldivi iżda tkun biss għoxrin minuta ‘l bogħod mid-dar.

Malta għandha stil ta’ ħajja u kultura Mediterranja daqshekk kbira li huwa diffiċli li titlaq. Hija ħajja ħafna iktar awtentika meta int imdawwar minn nies ġenwini u baħar sabiħ li jispirak.

X’inhu l-motto tiegħek fil-ħajja u kif tipprova tapplikah?

“Il-ħajja hija qasira wisq biex ma tgħix kif trid.” Dan kien il-motto tiegħi kważi minn dejjem. Huwa fil-fatt il-motto li jiddeskrivi l-aħjar ħajti. Ma nistgħux infirxu l-kuntentizza jekk ma nkunux kuntenti aħna nfusna. Ma hemm l-ebda punt li tgħix ħajja li ma tagħmlekx titbissem. Meta ħassejt li kont qed naħli l-ħin tiegħi fil-kulleġġ, ħriġt u bdejt nivvjaġġa. Għadni ma nafx il-futur minn xix huwa magħmul, imma dan jagħmel il-ħajja ferm iktar eċċitanti.

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar kif il-figura tal-mara tiġi mpinġija fil-letteratura?

Illum il-ġurnata, hemm miljuni ta’ kotba u miljuni ta’ eroini differenti. Il-kotba tal-fantasija ġeneralment ikollhom karattri femminili aktar b’saħħithom milli rumanz tal-imħabba. Għandi ngħid, li fir-rumanzi tal-imħabba, nixtieq nara nisa ftit aktar orjentati lejn il-karriera u b’saħħithom, filwaqt li nifhem li l-istorja tkun iċċentrata madwar l-iżvilupp tar-relazzjoni bl-interess ewlieni tal-imħabba, nixtieq nara daqsxejn iktar mill-passjonijiet tagħha, il-ħolm tagħha, forsi n-negozju li tkun qed tibda tibni l-mara, u kif tista’ ssolvi ostakli. Meta naqra dwar mara b’għanijiet u mimlija b’ħolm tagħha stess dawn ġeneralment jonqsu malli tibda relazzjoni mal-eroj. 

Kif tixtieq li jkunu l-karattri femminili tiegħek?

Irridhom diversi u kumplessi. Blossom in Winter għandu ħafna karattri nisa. Petra, il-karattru ewlieni, hija differenti ħafna mill-aqwa ħabiba tagħha Emma. Petra għandha l-ħolm tagħha, l-għanijiet tagħha stess, u Blossom in Winter juri ħafna dwar l-apprendistat tagħha, l-imħabba tagħha għall-artiu l-ħin tagħha fl-Università ta’ Columbia. Il-ktieb li jmiss se jkompli jsegwi l-vjaġġ tagħha hekk kif tkompli tikber bħala karattru u tiżviluppa l-impriżi tagħha anke jekk huwa storja tal-imħabba.

Ekonomija

Sport