Melita Business u VBL Group, l-akbar proprjetarju privat ta’ proprjetà immobbli fil-Belt Valletta, ġeddew kollaborazzjoni twila li permezz tagħha Melita Business tipprovdi servizzi komprensivi ta’ telekomunikazzjoni u TV, imfassla biex jissodisfaw il-ħtiġijiet diversi tal-proprjetajiet ta’ VBL Group.
Il-portafoll diversifikat tal-VBL Group jinkludi spazji residenzjali, tal-ospitalità, kummerċjali u tal-uffiċċji, li għandhom rwol ċentrali fil-pajsaġġ urban tal-Belt Valletta. Sa mit-twaqqif tiegħu fl-2012, VBL Group kiber b’mod konsistenti u wera d-dedikazzjoni tiegħu għar-restawr, ir-rinnovament u l-operat tal-proprjetajiet storiċi tal-Belt Valletta. Il-Grupp ipprovda lil dawn il-proprjetajiet b’funzjonalità u kumditajiet moderni, filwaqt li ppreserva l-wirt arkitettoniku u storiku tagħhom. Id-diviżjoni tal-ospitalità ta’ VBL, topera l-akbar numru ta’ unitajiet tal-ospitalità individwali, li jvarjaw minn dormitorji, appartamenti individwali u lukandi żgħar, sa palazzi ta’ livell għoli ta’ lussu.
Robert Runza, Director of Business Development, Business Services – Corporate Solutions tal-Melita, qal, “Il-kollaborazzjoni tagħna ma’ VBL Group għandha l-għan li ttejjeb l-esperjenza tar-residenti, il-mistednin u n-negozji. Dan it-tiġdid, li jieħu r-relazzjoni tagħna fis-seba’ sena tiegħu, jirrifletti viżjoni kondiviża li noffru servizzi tal-ogħla livell li jallinjaw mat-talbiet dinamiċi ta’ żviluppi moderni tal-proprjetà immobbli u tal-ospitalità. Billi nappoġġaw lil VBL Group, qed nikkontribwixxu wkoll għall-missjoni tiegħu li jagħti ħajja ġdida u jarrikkixxi s-seħer storiku tal-Belt Valletta.”
Andrei Imbroll, Kap Eżekuttiv, VBL Group żied jgħid, “It-tkabbir kontinwu fir-relazzjoni tagħna ma’ Melita Business huwa bbażat fuq is-servizz u l-appoġġ kbir li nirċievu li huma integrali għall-operazzjonijiet tagħna. Hekk kif il-VBL Group qed ikompli jiżviluppa aħna nibqgħu ffukati fuq li nikkontribwixxu b’mod pożittiv għall-karattru uniku tal-Belt Valletta u niżguraw li kemm ir-residenti kif ukoll il-viżitaturi jibbenefikaw minn għażliet imtejba ta’ konnettività u divertiment.”