Thursday, January 30, 2025

Meloni investigata dwar il-ħelsien ta’ suspettat ta’ delitti tal-gwerra Libjan

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru tal-Italja, Giorgia Meloni tpoġġiet taħt investigazzjoni ġudizzjarja dwar il-ħelsien sorpriża ta’ Osama Najim li kien imfittex għal delitti tal-gwerra mill-Qorti Kriminali Internazzjonali (ICC). Najim, ċittadin Libjan magħruf ukoll bħala Almasri, huwa l-kap tal-pulizija ġudizzjarja tal-Libja u d-direttur ta’ ċentru ta’ detenzjoni infami f’Mitiga, qrib Tripli.

Huwa ġie arrestat fl-Italja fil-21 ta’ Jannar u nħeles bla mistenni jiem wara “minħabba teknikalita legali”. L-ICC, li qalet li ma kinitx ikkonsultata dwar il-ħelsien tiegħu, ħarġet mandat urġenti ta’ arrest għal Najim u talbet spjegazzjoni mill-awtoritajiet Taljani.

Fil-filmat fuq il-midja soċjali, Meloni qal li l-qorti tal-appell ta’ Ruma ħelset lil Osama Najim minħabba li l-mandat tal-Qorti Kriminali Internazzjonali ma kienx intbagħat lill-ministeru tal-ġustizzja tal-Italja.

Il-ġimgħa l-oħra, il-Ministru tal-Ġstizzja Taljan, Carlo Nordio qal li Najim kien tkeċċa mill-Italja minħabba li kien bniedem perikoluż. Dan il-kumment iżda kien imgiddeb mill-oppożizzjoni.

Id-deċiżjoni li Osama Najim jinħeles kienet ikkritikata ħafna mill-oppożizzjoni u għaqdiet mhux governattivi bħal Amnesty International, li qalet li Najim kien ħati ta’ vjolazzjonijiet orribbli mwettqa b’impunità totali.

Ma’ Meloni qed jiġu nvestigati wkoll il-Ministru Nordio, il-Ministru tal-Intern Matteo Piantedosi u s-sottosegretarju tal-kabinett għall-affarijiet ta’ intelligence, Alfredo Mantovano. Fl-Italja, jekk xi ħadd jitpoġġa taħt invetigazzjoni ma jfissirx li huwa akkużat formalment.

B’ton ta’ sfida, Giorgia Meloni deher li tat ħjiel ta’ motivi politiċi għall-investigazzjoni. Hija rrimarkat li l-avukat li ppreżenta l-ilment, Luigi Li Gotti, kien eks-politiku xellugi, filwaqt li l-prosekutur li jmexxi l-każ, Francesco Lo Voi, dan l-aħħar investiga lid-Deputat Prim Ministru Matteo Salvini fuq kwistjoni oħra.

Meloni temmet tgħid li mhix se tiġi rikattata jew intimidata u li l-investigazzjoni jista qed issir għaliex m’hijiex popolari fost dawk li ma jridux li l-Italja tinbidel u titjieb. Hija sostniet ukoll li biħsiebha tkompli mingħajr l-ebda biża fi triqitha li tipproteġi lit-Taljani, speċjalment meta s-sigurtà tan-nazzjon tkun f’riskju.

Matteo Renzi tal-partit tal-oppożizzjoni Italy Alive (IV) – li kien fost l-ewwel li kkritika l-ħelsien ta’ Osama Najim – qal li Meloni qed “tisfrutta” l-investigazzjoni biex tilgħaba tal-vittma.

Giorgia Meloni, il-mexxej tal-partit tal-lemin estrem Fratelli d’Italja, kontra l-migranti, ilha tmexxi l-koalizzjoni tal-lemin fl-Italja mill-2022. Kemm-il darba wegħdet li se twaqqaf l-immigrazzjoni u d-dgħajjes li jaqsmu lejn l-Italja mill-Afrika ta’ Fuq u li twaqqaf it-tluq illegali u t-traffikar tal-bnedmin.

Meloni, bħal mexxejja oħra qabilha, ħadmet mal-awtoritajiet u l-milizzji Libjani, u pprovdiethom appoġġ finanzjarju u tekniku taħt ftehimiet kontroversjali biex tiġi indirizzata l-immigrazzjoni illegali, inkluż taħriġ u finanzjament għall-gwardja tal-kosta Libjana li tinterċetta dgħajjes tal-migranti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport