Tuesday, December 24, 2024

Melvin Theuma jkompli jirkupra bil-mod

Aqra wkoll

Wara li ħareġ mill-Isptar Mater Dei u rritorna f’daru Melvin Theuma kompla juru sinjali ta’ titjib f’saħħu anke jekk il-kundizzjoni tiegħu għadha ferm bogħod minn kif kienet.

Persuna qrib ix-xufier tat-taxi deskritt bħala l-middleman fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qaltilna li huwa beda jitkellem ftit imma żgur mhux f’qagħda li jixhed fit-tul kif kien qed jagħmel waqt il-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, in-negozjant li l-Pulizija temmen li kien il-moħħ wara l-imsemmi qtil.

Fl-istess waqt hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma jew tiċħad jekk wara l-inċident li fih huwa pprova joqtol lilu nnifsu tpoġġix uffiċjal tas-sigurtà ġo daru minbarra l-għassa fuq barra.

Kien fil-21 ta’ Lulju li għadda li Theuma ddaħħal il-Mater Dei bi ġrieħi serji f’għonqu u fl-istonku wara li nstab f’għadira demm ġo daru bil-Pulizija tgħid li mis-sinjali li għamel lill-uffiċjali indika li kien hu li kkaġunahom.

Huwa dam fit-Taqsima tal-Kura Intensiva (ITU) sad-27 ta’ Lulju fejn kien trasferit lejn is-sala ENT li fiha tingħata kura lil dawk bi problemi f’widnejhom, imneħirhom u l-griżmejn.

Theuma kien rilaxxat mill-isptar fis-7 ta’ Awwissu u wara li kien qed jikkomunika bil-kitba beda jlissen xi kliem minn taħt l-ilsien għalkemm għadu mhux f’kundizzjoni li jitkellem sew.

Minbarra fil-konfront ta’ Fenech huwa qed jixhed ukoll fil-kumpilazzjoni kontra l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat li jinsabu mixlijin bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Ix-xhieda tiegħu dwar id-delitt tas-16 ta’ Ottubru 2017 hija waħda mill-kundizzjonijiet li permezz tagħhom ingħata l-maħfra presidenzjali minbarra li jixhed ukoll f’każijiet oħra li sal-lum għadha mhix magħrufa.

Ekonomija

Sport