Wara s-suċċess tas-sena l-oħra ta’ Ebenezer Scrooge! The Panto, l-MADC qed tħejji biex terġa’ timla t-Teatru Salesjan f’Tas-Sliema bit-tlellix, id-daħq u s-seħer tal-Milied fi spettaklu ieħor li mhux ta’ min jitilfu.
Miktuba mil-leġġenda tal-panto Alan Montanaro u mmexxija minn Stephen Oliver, Snow White se toffri divertiment tal-Milied għall-familja kollha – u l-ispazju intimu li joffri t-Teatru Salesjan għal darb’oħra se jerġa’ jipprovdi l-isfond perfett għall-avveniment festiv annwali, tant maħbub, tal-MADC.
Il-produzzjoni ta’ din is-sena taqbad l-istorja klassika u tagħtiha l-laqta unika tal-panto tal-MADC – kompluta b’karattri li jifqgħuk bid-daħq, mużika tal-widna, kostumi jlellxu, u aktar maġija milli tista’ tlaħħaq magħha l-bakketta maġika tiegħek!
Alan Montanaro jerġa’ jilbes it-takkuna biex jirritorna bħala d-Dama, filwaqt li l-kast brillanti – li se jaħdem fil-partijiet ta’ prinċipessi tal-ħrejjef, villani tremendi, eroj qalbiena u assistenti mqarbin – jinkludi wkoll lil Melissa Mercieca bħala Snow White, flimkien ma’ Sarah Jane Zrinzo, Noel Zarb, Karl Bartolo, Bertha Farrugia, Carla Fenech, Ali Kanay Demirci u Joe Depasquale. Barra minn hekk, ensemble ta’ talent kbir se jqajjem il-palk (u l-vaganzi tal-iskola) b’ħafna żfin enerġetiku u kanzunetti popolari.
Wara l-kwinti, it-tim kreattiv tal-MADC se jieħu ħsieb li Snow White timpressjona aktar minn qatt qabel. Flimkien mad-direttur Stephen Oliver hemm Ryan Abela bħala direttur mużikali, waqt li Romualdo Moretti qed jiddisinja s-sett, Alan Montanaro megħjun minn Nicole Cuschieri joħloq il-kostumi stupendi, u Martina Galea tmexxi l-koreografija.
Bi prezzijiet speċjali għal tfal li għandhom bejn tlieta u ħdax-il sena, Snow White toffri l-ħarġa tal-vaganzi ideali biex il-familji joħolqu memorji speċjali tal-Milied flimkien.
“Ħerqan ħafna biex nerġa’ niċċelebra l-Milied u s-Sena l-Ġdida mal-MADC fi Snow White,” qal il-kittieb u attur Alan Montanaro. “L-istorja hija waħda klassika tabilħaqq, iżda aħna bnejna fuqha saff sħiħ ta’ tlellix. Se tkun imfawra biċ-ċajt u d-divertiment tipiku tal-panto li jferraħ lit-tfal, u fl-istess ħin b’dik id-daqsxejn imqarbizza li tinżel għasel mal-adulti. Għax x’inhu l-Milied mingħajr il-panto – u x’inhi l-panto mingħajr doża tajba ta’ ferħ, daħq u ‘għexu kuntenti għal dejjem’?”
Snow White tal-MADC se tittella’ bl-Ingliż fit-Teatru Salesjan, f’Tas-Sliema, bejn it-23 ta’ Diċembru 2025 u l-5 ta’ Jannar 2026, b’wirjiet kemm waranofsinhar kif ukoll filgħaxija. Il-booking issa miftuħ fuq www.madc.com.mt. Tfal taħt it-tliet snin ma jitħallewx jidħlu fit-teatru. Ikun hemm parkeġġ fil-ground tas-St Patrick’s disponibbli abbażi ta’ min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel. Din il-produzzjoni hija appoġġjata minn Dee Spas Wellness, Welbee’s Supermarket, Elia Caterers u Creative Europe Desk Malta.

