Lionel Messi daħal fid-dibattitu dwar Kylian Mbappe (ritratt) li jingħaqad ma’ Real Madrid. Mbappe kkonferma l-intenzjoni tiegħu li ma jattivax klawsola ta’ estensjoni tal-kuntratt ma’ Paris St-Germain dan is- sajf.
Il-captain ta’ Franza jinsab taħt kuntratt fil-Parc des Princes sal-2024, b’għażla li jestendi dak il-ftehim, bi 12-il xahar oħra.
Madankollu, il-klawsola trid tiġi attivata dan is-sajf, u Mbappe ndika li mhux lest li jagħmel dan.
L-ex skorer prolifiku ta’ AS Monaco beħsiebu jibqa’ f’Pariġi fl-2023-24, u ta x’jifhem li jista’ jibdel fehmtu milli jibqa’, skond is-sitwazzjoni f’Pariġi fl-istaġun li ġej.
L-ammiraturi tiegħu għal żmien twil, Real Madrid, qed iżommu għajnejhom fuq l-aħħar aġġornamenti dwar Mbappe, iżda huma lesti li jistennew sal-2024, biex iniedu offerta ta’ trasferiment b’xejn.
Messi u Mbappe ffurmaw koppja letali mal-Pariġini fl-aħħar żewġ staġuni, qabel it-tluq ta’ Messi għal Inter Miami, u l-Arġentin ta parir lil Mbappe biex jingħaqad ma’ Los Blancos.
“Għidtlu, nippreferi li tmur ma’ Barcelona, iżda jekk trid tmur Madrid, agħmel dan, ħaqqek proġett rebbieħ reali”, skond rapporti fil-media Spanjola.