Sunday, November 24, 2024

Mesut Ozil jingħaqad ma’ Istanbul Basaksehir

Aqra wkoll

Mesut Ozil ingħaqad ma’ Istanbul Basaksehir wara li l-kuntratt tiegħu mat-team ta’ Fenerbahce ġie tterminat b’kunsens reċiproku.

Basaksehir qalu li l-playmaker ta’ 33 sena ffirma kuntratt ta’ sena bl-għażla ta’ 12-il xahar ieħor.

Ozil ingħaqad ma’ Fenerbahce bi free transfer f’Jannar 2021 u kien ikkuntrattat magħhom sal-2024.

Iżda l-Ġermaniż Ozil ma lagħabx mal-club ta’ tfulitu sa minn meta kien “eskluż” mill-iskwadra f’Marzu li għadda.

“Waħda mill-affarijiet li tagħmel il-ħajja hija li hija mimlija inċertezzi,” qal l-ex player ta’ Arsenal u Real Madrid Ozil fuq il-media soċjali nhar l-Erbgħa.

“Il-pjanijiet u x-xewqat tagħna jistgħu mhux dejjem imorru fid-direzzjoni li tridhom int. Ridt nikseb suċċess billi nikseb aktar ċans nilgħab bil-flokk ta’ Fenerbahce, li dejjem kienet il-ħolma tiegħi ta’ tfuliti.

“Nixtieq nirringrazzja lill-komunità u lill-partitarji ta’ Fenerbahce għall-appoġġ kbir li wrewni.”

Ozil għamel 37 dehra matul staġun u nofs għal Fenerbahce, u skorja disa’ goals, wara li ngħaqad magħhom f’Jannar tal-2021, bħala free agent meta Arsenal temmew il-kuntratt tiegħu sitt xhur kmieni.

“Ġie miftiehem li l-kuntratt bejn il-club tagħna u Mesut Ozil jiġi tterminat bi ftehim reċiproku,” qalu Fenerbahce fi stqarrija nhar l-Erbgħa.

“Nawguraw lil Mesut Ozil suċċess għall-kumplament tal-karriera tiegħu.”

Ozil, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja mal-Ġermanja fl-2014, kien qal matul ix-xahar li għadda li se “jistenna bil-paċenzja” għal żmienu biex jikkontribwixxi għall-“imħabba tat-tfulija”.

“Jien ma ngħaqadtx ma’ Fenerbahce u ma ġejtx nilgħab f’art twelidi, it-Turkija għal vaganza,” kiteb fuq Instagram, Ozil, li għandu wirt Tork, fil-21 ta’ Ġunju.

“Kull darba li lbist il-flokk glorjuż ta’ Fenerbahce, ma kelli l-ebda skop ieħor ħlief li nagħti l-aħjar tiegħi.”

Fenerbahce biddlu lill-coach temporanju Ismail Kartal fil-bidu ta’ Ġunju mal-coach Portugiż Jorge Jesus, li mbagħad irrefera għat-“tmiem tal-era Ozil” fl-ewwel konferenza tal-media tiegħu mal-club.

Sport