Matul is-snin kien hemm diversi każi fejn kien hemm interferenza elettorali sigrieta, jew sforzi barranin moħbija biex jimmanipulaw il-voti demokratiċi. Matul iż-żmien inħarġu diversi stejjer u ssemmew eks diretturi tas-CIA u ħafna aktar uffiċjali tas-CIA, kif ukoll diretturi tal-intelligence nazzjonali. Issemmew każi fejn uffiċjali tas-sigurtà nazzjonali l-aktar għolja ta’ Washington ikkunsidraw li jużaw is-CIA biex tindaħal f’elezzjonijiet barranin mill-inqas darbtejn.
Wieħed mill-każi kien fis-Serbja fis-sena 2000—id-dibattitu nbidel f’azzjoni, hekk kif is-CIA nefqet miljuni ta’ dollari taħdem kontra Slobodan Milosevic. Il-każ l-ieħor kien fl-Iraq fl-2005.
F’Malta ukoll kellna tentattiv simili. Filfatt proprju 50 sena ilu, ġie rrapurtat kif inħareġ ktieb li kien semma’ każ li jinvolvi lil pajjiżna.
L-ORIZZONT kien irrapporta li għal xhur sħaħ fl-1970, uffiċjali għolja tas-Central Intelligence Agency (CIA) ta’ l-Istati Uniti, iddiskutew il-possibilità li jwettqu ħidma sigrieta f’Malta biex ma jħallux lill-perit Mintoff jirbaħ l-elezzjonijiet tas-sena 1971. Għal dan il-għan fl-aħħar xhur tas-sena 1970, is-CIA kienet bagħtet Malta aġent sigriet biex jistħarreġ il-qagħda politika.
Dan it-tagħrif ikklassifikat mis-CIA bħala ‘top secret’ ingħata minn Victor Marchetti, eks aġent tas-CIA fi ktieb li hu kiteb u li ħareġ għall-pubbliku fis-sena 1974. Marchetti kien serva għal 14-il sena sħaħ f’din l-aġenzija u kien irriżenja fl-1969 biex jiddedika ruħu għall-kitba.
Il-ktieb tiegħu li fih tissemma’ Malta jġib l-isem ‘The CIA and Cult of Intelligence’. Dan il-ktieb kien l-ewwel wieħed fl-Istati Uniti li s-CIA marret il-Qorti biex tiċċensurah. Filfatt dan il-kteib ġie ċċensurat darbtejn u fl-aħħar ħareġ b’ħafna versi maqtugħin.
Marchetti isemmi lil Malta f’dik il-parti tal-ktieb fejn jitratta dwar l-Ambaxxaturi tal-Istati Uniti u l-ħidma tas-CIA madwar id-dinja.

L-awtur qal li l-Ambaxxatur normalment u teoretikament ikun il-kap ta’ l-aġenziji kollha tal-Gvern Amerikan fil-pajjiż li jkun iservi fih. Hu sostna li l-kontroll tal-Ambaxxaturi fuq is-CIA ivarja minn ambaxxatur għal ieħor, għalkemm fil-maġġoranza tagħhom dawn ikunu favur li din l-aġenzija tagħmel ħidmiet bil-moħbi, bil-għan li tiġi salvagwardata l-politika barranija tal-Istati Uniti. Hemm ambaxxaturi oħra li għax ta’ karattru dgħajjef, iħallu lis-CIA tagħmel li trid mingħajr ma huma jkunu jafu.
Marchetti isemmi bħala eċċezzjoni l-Ambaxxatur Amerikan għal Malta, John C Pritzlaff Jr, li serva f’Malta bejn l-1969 u l-1971. Pritzlaff baqa’ jissemma’ bħala wieħed mill-ftit ambaxxaturi li rreżista lis-CIA u ma ħalliheix tindaħal fil-politika interna ta’ pajjiż sovran.
Marchetti fil-ktieb jgħid hekk fuq Pritzlaff: “l-Ambaxxatur Pritzlaff ma riedx li jħalli lis-CIA tagħmel li trid f’Malta. Il-ftit uffiċjali li saru jafu b’dan l-atteġġjament ta’ Pritzlaff fid-Dipartiment tal-Istat Amerikan bdew iqisuh bħala eroj.
L-istorja bdiet fil-bidu tas-sena 1970 meta l-Ammirall Amerikan irtirat George Anderson għamel żjara fil-pajjiżi tal-Mediterran fosthom Malta. Hawnhekk hu sar jaf bil-Perit Mintoff u bil-biża’ li jekk dan jitla’ fil-Gvern dan kien ineħħi n-NATO minn Malta u jagħmel f’Malta bażi Russa.
Anderson meta reġa’ lura l-Istati Uniti uża l-kuntatti li kellu fil-White House, l-Uffiċċju tal-President tal-Istati Uniti li dak iż-żmien kien Richard Nixon, biex dawn iħeġġu l-qawwiet sovversivi Amerikani biex jindaħlu fl-elezzjonijiet Maltin li kellhom isiru fil-bidu tas-sena 1971.
Is-CIA saret taf b’dan iżda ma tantx uriet interess minħabba li f’Malta ma tantx kellha faċilitajiet biex taħdem. L-aġenzija iżda xorta waħda bagħtet aġent sigriet biex jistħarreġ kif is-CIA setgħet tbagħbas fl-elezzjonijiet.
Meta sar jaf Pritzlaff, beda jibgħat telegramma wara l-oħra jipprotesta kontra dan l-aġent sigriet u l-inkarigu tiegħu fil-gżira. Fl-aħħar Pritzlaff rebaħ għax is-CIA ma ndaħlitx u Mintoff rebaħ l-elezzjoni.
Minn dakinhar il-bniedem li kein se joħloq din is-sovverzjoni, l-Ammirall Anderson kien nħatarar Kap tal-President Foreign Intelligence Adminsitrative Boards li hu korp ta’ ċittadini Amerikani li jagħti l-pariri lill-President dwar il-ħidma tas-CIA u l-ispjunaġġ.
Dan il-bord ġeneralment ikun magħmul minn kuntratturi tal-armamenti u ċittadini privati oħra. Anderson qabel kien serva ukoll bħala Kmandant Suprem tal-Qawwiet tal-Baħar Amerikani.
Marchetti għalkemm jgħid li l-Ambaxxatur fuq direttiva tal-mejjet President Kennedy hu l-kap tal-aġenziji kollha tal-Gvern Amerikan, inkluża s-CIA, ma jgħid xejn jekk f’Malta kienx hawn jew hawnx xi aġent ta’ din l-aġenzija. Li jidher żgur hu li s-CIA bħal kull pajjiż ieħor fid-dinja, iżżomm ruħha aġġornata b’dak li jkun qed jiġri f’Malta.
Ir-rapport ta’ L-ORIZZONT kien qal li osservaturi politiċi jsostnu li l-periklu ta’ l-indħil mis-CIA f’Malta hu wieħed remot minħabba li l-politika li mexa biha l-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar erba’ snin kienet waħda għaqlija u ta’ ekwilibriju bejn il-qawwiet il-kbar u ankę minħabba l-preżenza ta’ l-Ingliżi f’Malta.