Monday, August 11, 2025

Meta Deputati Laburisti kienu mheddin bi skomunika dwar liġi li tintaxxa d-dħul tal-knieja

Meta id-dħul ta’ l-Arċisqof ġie ffissat fuq Lm5,000 fis-sena meta l-paga tal-ħaddiema kienet madwar Lm700 jew Lm13 fil-ġimgħa

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Kif il-Knisja kienet tmexxi flusha ħadd ma kien jafu”. Din kienet is-sitwazzjoni fis-sena 1975. Filfatt meta kienet inbdiet riforma biex il-Knisja tħallas it-taxxa, il-Gvern Laburista ta’ dak iż-żmien – bil-prinċipju ta’ dak inhar li jgħin liż-żgħir billi kulħadd iħallas it-taxxa, kien iltaqa’ ma’ diffikultajiet kbar. 

Dan għax ma setax ikun jaf xi jdaħħlu l-Arċisqof ta’ Malta u l-Isqof t’Għawdex mill-mensa tagħhom  jew aħjar id-dħul kollu li kien jiġi mill-kariga uffiċjali tagħhom. Fid-diskussjoni fil-Parlament li kienet qiegħda ssir bħal dan iż-żmien 50 sena, il-Ministru tal-Finanzi, in-Nutar Abela fil-Parlament kien iddikjaraw li fis-sena 1948 Deputat Laburisti kienu mheddin bi skomunika minħabba il-kwistjoni tat-taxxa tal-Knisja u kien għalhekk li abbozz ta’ liġi kien inbidel u l-Knisja tħalliet barra.

Meta f’Awwissu tas-sena 1975,  bdiet tiġi diskussa din il-liġi il-Ministru tal-Finanzi u Dwana, Dr. J. Abela waqt li kien qiegħed jagħmel diskors tal-ftuħ dar l-abbozz li jemenda l-att dwar it-taxxa fuq id-dħul qal li kien intqal li meta l-gvern iddeċieda li jressaq il-liġi li biha kien se jibda jintaxxa lill-Knisja f’Malta, hu kellu konsultazzjoni ma’ kulħadd ikkonċernat. Kien qal ukoll li l-gvern iżda ħass li f’dan il-każ kellu biss jitratta mal-kapijiet tal-Knisja u mhux ma’ kull wieħed li mar biex jikkonsulta. Dr Abela kien qal li l-liġi s’issa kienet tgħid li għandhom jiġu eżentati mit-taxxa dawk l-istituzzjonijiet filantropiċi u ekkleżjastiċi. Bil-liġi tal-lum il-Gvern se jeżenta biss dawk l-istituzzjonijiet filantropiċi li jkolhom bħala skop il-ġid ta’ ħaddieħor u mhux ta’ qliegħ.

“Meta ġejna biex niffissaw it-taxxa li għandhom iħallsu, l-Arċisqof u l-Isqof t’Għawdex il-Gvern iltaqa’ ma’ diffikultajiet kbar għax ma setax ikun jaf xi jdaħħlu dawn mill-mensa tagħhom jew aħjar jid-dħul kollu li kien jiġi mill-kariga uffiċjali tagħhom”, kien iddikjaraw in-Nutar Abela.

“Il-Gvern għalhekk iddeċieda li l-Arċisqof jiġi intaxxat fuq Lm5,000 u l-Isqof t’Għawdex  fuq Lm3,000.   

Din it-taxxa tkun l-istess bħal ta’ kull ċittadin ieħor. Id-dħul l-ieħor tal-mensa li normalment jiġi mqassam skont ir-rieda tal-Kap Spiritwali se jiġi ntaxxat bit-20c fil-Lira.

“F’dawk li huma istituzzjonijiet reliġjużi, wieħed irid jiddistingwi dejjem għal finjiet ta’ taxxa. Il-liġi infatti qed tagħmel distinzjoni bejn djoċesi, kunvent, parroċċa, fondazzjonijiet u oħrajn. Kollox jiġi kkonsidrat bħala entitata għalih.” 

“Ma tistax tieħu kollox globali, għax hemm reliġjużi li m’għandhomx x’jaqsmu mad-djoċesi. Hemm provinċji li jakkumulaw kollox flimkien u hemm kunventi li jimxu għal rashom. Sakemm ma jkunx hemm xi forma ta’ riforma bil-beni tal-knisja se nibqgħu nikkonsidraw lil kulħadd għalih. Bil-liġi qed niddistingwu ukoll ‘Trading Establishment’ bħal ma huma sptarijiet u skejjel.” 

“Jekk issir ir-riforma li qed jgħid li se ssir fl-amministrazzjoni tal-beni tal-Knisja allura nibdew nikkonsidraw l-entità li tinħoloq.  Sptarijiet u skejjel se jibdew jiġu intaxxati bħal kull trading establishment jiġifieri bir-rata ta’ 37c5 fil-Lira. F’dawk li huma parroċċi, l-Gvern qiegħed jagħti żewġ alternattivi jiġifieri jew  jiġu ntaxxati fuq id-dħul tagħhom wara li jitnaqqsu l-ispejjeż li wieħed irid jagħmel jew inkella jiġu intaxxati fuq investimenti li jagħmlu. Dan qed isir għax ikun diffiċli birex tgħid kemm huma l-ispejjeż. It-taxxa tittieħed fuq l-akbar ammont. It-taxxa tkun taxxa jiġifieri ta’ 20c fil-Lira.” 

“Rigward il-kunventi l-liġi tipprovdi għal tnaqqis personali fuq il-membri tal-komunità. Infatti fuq l-ewwel ħames membri tal-kommunità ikun hemm tnaqqis ta’ Lm390, it-tieni ħamsa ikun hemm tnaqqis ta’ Lm300 u għal bqija tal-membri jkun hemm tnaqqis ta’ Lm250.   Wara li jitnaqqas it-tnaqqis personali it-taxxa tkun ta’ 20c fil-Lira.”

“Għal dawk ir-reliġjużi li jitħallsu salarju separat għax ikunu ikunu jaħdmu, dawn jiġu intaxxati separatament. Dan skont il-Qorti tal-Appell li kienet iddeċidiet li dawn mhux kif qalu jagħmlu parti mill-kommunità għalhekk ma jħallsux taxxa. Dawn issa se jibdew iħallsuha separata. Din it-taxxa  iżda titnaqqas mill-qliegħ globali tal-kunvent. 

Bħal kull ċittadin  ieħor  il-komunità reliġjuża trid tħallas taxxa fuq ir-residenza fejn tkun toqgħod. F’dan il-każ iffissa li kull membru f’komunità ikun qisu għandu kera ta’ Lm30 fis-sena u jiġi intaxxat fuqha.  Fejn hemm fondazzjonijiet ta’ quddies, il-liġi tgħid li l-ebda taxxa ma titħallas fuq din il-fondazzjoni iżda jiġi ntaxxata min jagħmel il-quddiesa.  Fil-każ ta’ għaqdiet  bħall-Azzjoni Kattolika u tal-Mużew, il-liġi se tibda tikkonsidrahom bħall-bqija tal-każini. Jiġifieri dawn se jibdew iħallsu t-taxxa meta d-dħul jaqbeż il-50 fil-mija tal-kontriubuzzjonijiet tas-soċi.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport