Kien proprju bħal dan iż-żmien ħamsin sena ilu metą esponenti tal-Partit Nazzjonalista attakkaw b’mod qawwi lill-President tar-Repubblika, Sir Anthony Mamo. Il-Prim Mintoff imbagħad kien wieġeb għal dan bi stqarrija qawwija fil-Parlament u kkundanna l-attakk mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Prim Mintoff kien iddikjara li “kieku l-Partit Laburista xi darba attakkar lir-Reġina jew lill-Gvernatur Ingliż bil-mod vili li l-Oppożizzjoni Nazzjojnalista avtackat lill-President tar-Repubblika, Sir Anthony Mamo, jien ċert li konna nsibu ruħna l-ħabs”.
Fl-istqarrija tiegħu l-Prim Ministru Mintoff kien qal hekk: “hu d-dover tiegħi li nfakkar lill-membri tal-Kamra u lin-Nazzjon Malti li għall-ewwel darba fl-istorja ta’ Malta r-rappreżentanti tal-Maltin fasslu fil-libertà, mingħajr pressjoni ta’ xi forzi interni tal-Pulizija jew armi ta’ xi tirann barrani, Kostituzzjoni jew liġi ewlenija li fiha għandu jitmexxa pajjiżna.”
Kompla jgħid li “dan ix-xogħol intemm fit-13 ta’ Diċembru tas-sena 1974, meta f’dan il-Parlament bi 49 vot kontra 6 ġiet ipproklamata r-Repubblika. Qatt fl-istorja ta’ Malta, l-Maltin ma wrew għaqda daqs dik l-okkażjoni. F’din il-Kostituzzjoni jew liġi ewlenija tal-pajjiż li għandu jgħożżha kulħadd hemm eżatt kif għandu jaqdi d-dmirijiet tiegħu lejn in-Nazzjon, il-President tar-Repubblika. Il-kliem preċiżi jinstabu fl-Artiklu 86. Dawn huma: ‘fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, il-President għandu jaġixxi skont il-parir tal-Kabinett jew ta’ Ministru li jaġixxi skont l-Awtorità ġenerali tal-Kabinett ħlief fil-każijiet meta hu meħtieġ b’din il-Kostituzzjoni jew b’xi liġi oħra li jaġixxi skont l-parir ta’ xi persuna jew ta awtorità li ma tkunx il-Kabinett”.
Fl-istqarrija tiegħu kien kompla jgħid li “l-Kostituzzjoni tagħti preċiż x’inhuma dawn il-każijiet. Fost dawn l-eċċezzjonijiet żgur m’hemmx okkażjonijiet bħal dik taż-żjara tal-President Leone. Anzi hu ċar li fl-okkażjonijiet meta l-President ikun qed jitkellem għan-nom tal-gvern u l-Poplu Malti, il-President għandu jimxi skont il-parir tal-Kabinett. Dan ma jfissirx li l-President tar-Repubblika ta’ Malta ma jistax jagħmel suġġerimenti tiegħu jew jagħti pariri anki hu stess. Ifisser biss li r-responsabbilità tad-diskors tiegħu fiż-żjara uffiċjali li għamel il-President Leone taqa’ kollha fuq il-Kabinett Malti”.
Dom Mintoff kompla jgħid li “għalhekk kienu baxxi u bla sens l-attakki li għamlu ż-żewġ membri ta’ l-Oppożizzjoni, Albert Borg Olivier de Puget u Ġużeppi Maria Camilleri fis-7 u fit-8 ta’ Diċembru kontra l-President għad-diskors politiku li għamel waqt l-għotja ta’ sieħeb Ġieħ ir-Repubblika lill-Giovanni Leone, President tar-Repubblika tal-Italja”.
Theddida
“Kienet baxxa iktar u bla sens it-theddida li jekk jitla’ l-Partit Nazzjonalista fil-gvern wara l-elezzoni li ġejja, il-President jitkeċċa. Baxxa għax meta kienet qed tiġi mgħarbla f’din il-Kamra l-persuna li għandha tokkupa għall-ewwel darba f’din il-kariga għolja f’pajjiżna minn naħa ta’ l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħadd ma sab l-iċken kelma ta’ tmaqdir dwar Anthony Mamo. Bla sens għax il-Kostituzzjoni stess tordna li mhux aktar tard minn tlett xhur wara li jkunu magħrufin r-riżultati uffiċjali ta’ l-elezzjoni, Anthony Mamo ma jibqax iktar il-President tar-Repubblika ta’ pajjiżna”.
Enfasizza li “sħabi u jien ippruvajna nara għaliex il-Partit Nazzjonalista ħassu tant offiż mill-kliem tal-President li aħna, skont kif tgħid il-Kostituzzjoni, għandha d-dmir u l-unur nerfgħu tagħhm ir-responsabbilita kollha. Milli jidher dak li weġġagħhom hu l-istess kliem li weġġa lill-alleata tagħhom it-Times of Malta, meta fl-editorjal tal-ħarġa tal-11 ta’ Diċembru kitbet hekk: “The President was certainly ill advised, if he was speaking on the advice of the Cabinet – to include in his speech party nuances that not only are controversial in a political sense but also do not reflect the true facts of contemporary history. One such comment, for instance, was the reference in the President’s speech to Malta taking the new road to freedom in 1971”.
“Dan ifisser ċertament il-President ġie mogħti parir ħażin, jekk kien qed jitkellem fuq parir tal-Kabinett – meta daħħal fid-diskors tiegħu sfumaturi li mhux biss ma jaqbilx magħhom kulħadd fis-sens politiku iżda ukoll ma jirriflettix il-fatti veri fl-istorja ta’ żminijietna. Per eżempju, waħda minn dawn l-isfumaturi kienet ir-riferenza li saret fid-diskors tal-President meta semma’ li Malta qabdet it-triq ġdida għall-Ħelsien fl-1971. L-għan tiegħi llum m’huwiex li għall-elf darba nġib il-provi li hu impossibbli għall-pooplu tagħna li jkun verament ħieles jekk f’pajjiżna jibqa’ jservi ta’ bażi militari għall-interessi tal-barrani. L-għan tiegħi llum hu li naqdi d-dmir tiegħi li niddefendi l-President tar-Repubblika, għax dan m’għandux il-mezzi biex jiddefendi lilu nnifsu, kontra l-attakki li ma jistħoqqlux”.
Ma’ naqasx
“Biex jagħmlu dan l-attakk fuq il-persuna tal-President, il-membri Nazzjonalisti qalu li ż-żjara tal-President Leone ma kenitx okkażjoni politika. Aħna li konna responsabbli għall-istedina u mal-persuna tal-President Leone, aċċettajna l-persuna ukoll tal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Rumor, bil-konsulenti tiegħu mill-Foreign Office, konna ċerti li din m’hi xi żjara ta’ kortesija mingħajr kontenut politiku.
Anke jekk wieħed jifli tajjeb id-diskors li għamel il-President Leone, li jien ċert li sar wara konsultazzjoni jew fuq parir tal-Gvern Taljan, wieħed isib li għandu kontenut politiku kbir li fuqu jistgħu ma jaqblux xi partiti fl-Oppożizzjoni fl-Italja. Kieku ż-żjara tal-President Leone ma kelliex ukoll xi sustanza politika, aħna konna nkunu nqasna minn dmirna lejn il-poplu Malti għax inkunu ħlejna ż-żmien u l-flus fil-frugħa u fil-ħmerijiet. Hekk ukoll għamlu t-Taljani. Wara li wieħed jifli bil-kalma dak kollu li intqal wieħed isib li l-President Anthony Mamo ma naqas xejn minn dmirijiet tiegħu lejn Malta u innoċentament weħel hu għax f’pajjiżna għadu mhux kulħadd jaqbel li l-ħelsien ma jiġix bil-paroli u x-xewqat vojta, iżda bil-kuraġġ u x-xogħol iebes ħalli bħala poplu verament ħieles ngħixu bil-ħidma tagħna mingħajr ma nħallu lil pajjiżna jiġi wżat għal skopijiet ta’ gwerra mill-barrani”.
Kompla jgħid li “kieku sitt snin ilu r-Reġina tal-Ingilterra jew il-gvernatur Ġenerali Ingliż li kien jirrappreżentaha, qalu f’Malta kemm il-Maltin kienu bravi u qalbiena għax ħallew pajjiżhom issir fortizza biex jiddefendu l-Imperu Ingliż u aħna fl-Oppożizzjoni attakkajna lir-Reġina jew lill-Gvernatur Ġenerali bil-mod vili kif ġie attakkat il-President ta’ Malta, jien ċert li konna nsibu rwieħna il-ħabs”.

