Bħal-lum 23 ta’ Mejju tas-sena 1906 Dora Montefiore, attivista favur id-dritt tal-vot għan-nisa, ipprotestat billi rrifjutat li tħallas it-taxxi. Hija mbarrat id-dar tagħha biex iżżomm l-ispetturi barra.
Dan sar magħruf bħala “L-Assedju ta’ Hammersmith” u dam għaddej sa Ġunju. Dora bdiet tagħmel diskors mill-gallarija tagħha u dendlet banner li kien jgħid: “In-nisa għandhom jivvutaw għal-liġijiet li huma jobdu u għat-taxxi li jħallsu”.
Montefiore kienet mgħejjuna minn membri tal-Independent Labour Party u tal-Federazzjoni tas-Soċjal Demokratiċi.
Finalmente l-ispetturi rnexxielhom jidħlu fid-dar tagħha fit-3 ta’ Lulju meta Montefiore kienet barra minn darha tgħin attivisti oħra. L-ispetturi ħadulha oġġetti li kienu jammontaw għal valur tat-taxxi li hija kellha tagħti.