“Serqa stil ta’ Bonnie u Clyde, il-koppja leġġendarja ta’ ħallelin Amerikani fis-snin għoxrinijiet, saret illum fil-fergħa tal-Gżira tal-Bank ta’ Barclays. Mara bjonda armata b’pistola, daħlet fil-bank mimli nies, serqet eluf ta’ liri u ħarġet tiġri ‘l barra għal ġo karozza misruqa fejn kien hemm jistenniha s-sieħeb tagħha”.
Hekk beda rapport ippubblikat fuq L-ORIZZONT 50 sena ilu intitolat “Koppja Jisirqu Bank fil-Gżira: Il-Mara Tisraq madwar £M5,000”, serqa tat-tielet bank fi żmien xahrejn f’Malta. L-ewwel bank lokali li f’dawk iż-żminijiet kien mira ta’ serqa kien il-Bank of Valletta ta’ Birkirkara. Ftit jiem qabel kien insteraq il-Bank ta’ Barclays ta’ San Pawl il-Baħar. Fil-Gżira dan kien it-tieni bank li ġie misruq mis-sajf tal-1971 sal-1975. Erba’ snin qabel kienet saret serqa ta’ £M600 mill-bank li dak iż-żmien kien jissejjaħ in-National Bank of Malta.
Serqa mhux vjolenti … karriera mhux twila
L-ORIZZONT kien irrapporta: “Il-karriera ta’ Bonnie u Clyde ta’ l-Amerika kienet kemmxejn twila u mimlija dmija. Fil-każ ta’ Malta l-karriera ta’ din il-koppja la kienet vjolenti u lanqas twila ħafna. Fil-fatt jidher li kienet karriera ta’ xi tliet sigħat biss għaliex sar magħruf li l-Pulizija qed iżżomm koppja għall-interrogazzjoni wara li din ma waqiftx f’roadblock tal-Pulizija fi Newport il-Marsa.
Abdultif Zarug Elliz, Għarbi li kien fil-bank dak il-ħin tas-serqa ħames minuti qabel l-għeluq fin-nofs siegħa, ippropva jaqbad lill-mara iżda din malajr hedditu billi ppontat il-pistola ma’ għonqu.
Is-Surġent Pażjan tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali, is-Sur L. Xuereb, kien għaddej minn fuq il-bankina ħdejn il-bank fil-ħin tas-serqa meta ra lill-mara dieħla fil-karozza u jitilqu jiġru lejn id-direzzjoni ta’ Tas-Sliem. Is-Surġent ipprova jilħqom u anke pprova jwaqqaaf xi karozza li kient għaddejja, iżda ĦADD mill-karozzi ma waqqaflu.”
Dettalji
Il-mara, skont ma kienu ddeskrivew nies li kienu fil-bank fil-ħin tas-serqa kienet ta’ figura normali twila xi ħames piedi u seba’ pulzieri, b’xagħar bjond u titkellem bl-Ingliż. Ir-rapport kompla li, “fil-bank daħlet b’qalziet twil kaffelatte, bl-għonq tal-ġakkett bajda mgħolli u tgħatti minn imnieħirha sa geddumha u waqt li ppontat il-pistola qaltilhom: “Give me the money” (agħtuni l-flus). Raġel li kien dieħel fil-bank waqt li kienet qed issir is-serqa telaq ‘l barra wara li hija qaltu: Get out! (itlaq ‘l barra) u ppontat il-pistola lejh.
Il-karozza li ntużat għal din is-serqa kienet tat-tip Datsun 1300 bajda bis-saqaf isweed u bin-numru 4435 li dwarha sar rapport li kienet misruqa. Din kienet instabet ftit ħin wara s-serqa fi Triq Nazju Ellul fil-Gżira.
Il-Pulizija mill-ewwel bdiet investigazzjoni intensiva u żewġ Supritendenti flimkien ma’ għadd ta’ Spetturi tad-DIK u tad-Distrett marru fuq il-post u ħadu stqarrijiet ta’ impjegati u l-klijenti. Il-Kummissarju nnifsu, is-Sur E. Tonna, ukoll ħa sehem fl-investigazzjoni”.
Misruqa kwantità ta’ flus barranin
Il-mara b’kollox kienet ġabret flus mingħand tliet kaxxiera. Din kienet irrapportata li ħadet kwantità ta’ flus barranin mingħand is-Sinjorina Galea.
Fil-fatt hija kienet ħadet £66 li jiġu £M55.62; 300 Kroner Daniż li jiu £M20.14; 500 Mrk Ġermaniż li jiġu £M78.66; 600 Franc Franċiż li jiġu £M53.95; 160 Dinar Libjan li jiġu £M177.77; 300 Kroner Svediżi li jiġu £M27.90; 70 Frank Svizzeru li jiġu £M10.32 u 140 Dollaru Amerikan li jiġu £M51.09. Dawn b’kollox jġibu £M475.45 bir-rati tal-kambu li f’dak il-jum tas-serqa.
“Barra dan,” kompla ġie rrapportat, “mingħand is-Sinjorina Galea, il-mara ħadet ukoll b’madwar £M2,000 f’karti tal-£M10 u l-kumplament f’karti ta’ £M1 u flus żgħar.
Skont informazzjoni li kienet waslet lil “l-orizzont” kaxxier ieħor tal-Bank, is-Sur J. Zahra, kellu jagħti lill-mara madwar £M1,500 oħra. Kaxxier ieħor, raġel ukoll taha l-flus iżda mhux magħruf kemm huwa l-ammont. B’kollox jingħad li l-koppja ħadet magħha bejn £M4,00 u £M5,000. Din is-serqa “mingħajr telf ta’ żmien u tpaċpiċ żejjed saret biss ħames minuti qabel l-għeluq tal-Bank, jiġifieri fin-12.25p.m.”
Tfittxija b’ħelikopter f’riħ qawwi
It-tfittxija mill-pulizíja kienet waslet biex instabet il-karozza li wżat din il-koppja ta’ ħallelin u anke għall-arrest tagħhom. Fl-aħħar dettalji dwar dan il-każ, ġie rapportat li, “Għaxar minuti biss wara li telqu bil-ħelikopter Bell 47G2 il-Pilot PC Joe Agius u l-Co-Pilot Taddeo Cauchi lemħu d-Datsun ħdejn dar imwarrba fi Triq Nazju Ellul il-Gżira. Dan minkejja d-diffikultajiet minħabba riħ qawwi li kien qed jonfoħ bil-qawwa ta’ 35 knot fis-siegħa”.
Dan barra li skont l-istess rapport, il-postijiet tat-tluq minn Malta wkoll kienu ġew mgħassa sew fejn kull persuna suspettuża ġie imfittxija. Fl-ajruport ta’ Ħal Luqa fil-fatt kienet inżammet mara Maltija b’xagħar isfar u raġel Għarbi li kienu se jaqbdu ajruplan għal Tripli. Dawn iż-żewġ persuni finalment tħallew mill-pulizija imma kienu sfortunati biżżejjed li tilfu l-ajruplan.
Għal din is-serqa kien inħatar il-Maġistrat tal-Għassa Dott. R. Conti.