Tuesday, January 27, 2026

Meta Ġej?

Aqra wkoll

Fl-aħħar wasal! Hekk hu, dan ir-rumanz famuż ‘Lichtungen’, rebbieħ tal-Premju Nazzjonali Ġermaniż u ta’ bosta premjijiet letterarji oħra tal-awtriċi Germaniża kontemporanja, Iris Wolff issa tistgħu taqrawh bil-Maltli wkoll. U dan grazzi għat-traduzzjoni tiegħu mill-Ġermaniż għall-Malti li għamel il-lettur anzjan tal-Ġermaniż fl-Università ta’ Malta, Alfred Scalpello. 

It-tnehdija tar-rumanz bil-Malti saret fil-preżenza tal-awtriċi Ġermaniża nhar il-Gimgħa 7 ta’ Novembru, waqt il-Festival tal-Ktieb.

Il-ktieb jirrakkonta l-istorja ta’ mħabba mhux tas-soltu bejn Lev u Kato fi żmien meta r-Rumanija kienet għadha titmexxa mid-dittatur Nicolae Ceausescu u dan b’mod oriġinali għall-aħħar. Fis-sens li l-ktieb fih disa’ kapitli u l-qarrej jibda jaqra mill-aħħar kapitlu sakemm jasal fl-ewwel wieħed u jifhem kif u għaliex nibtet din l-istorja ta’ mħabba bejn iż-żewġ protagonisti tar-rumanz. 

Permezz ta’ din  l-istorja l-awtriċi tittratta problemi ta’ żmienna bħal dawk tal-identità nazzjonali, tas-sens ta’ appartenenza, tal-migrazzjoni u l-problemi kollha li ġġib magħha, il-ħelsien u l-libertà ta’ espressjoni. Dan tagħmlu bl-użu ta’ lingwa proża-poetika u lingwaġġ teneru li jidħollok taħt il-ġilda u jmisslek qalbek u jġiegħlek tkompli taqra. 

U bi stil oriġinali tassew magħruf bħala dak tal-ommissjoni fis-sens li l-awtriċi tgħid dak li tixtieq tgħid mingħajr ma fil-fatt tgħidu u tħalli lill-qarrej jimla l-vojt. Riflessjoni fuq il-ħajja u r-relazzjonijiet interpersonali. Xogħol artistiku tassew kbir. Dan il-ktieb huwa pjaċir ġentili. L-aħjar li taqrah bil-mod ħafna sabiex ma titlifx xi waħda mill-immaġni vividi ta’ Iris Wolff. Rumanz straordinarju. Wieħed li, fi spazju konċiż ħafna, jesplora firxa impressjonanti ta’ temi tal-ħajja. Ktieb poetiku dwar l-imħabba, l-intimità, u l-memorja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport