Tuesday, July 1, 2025

Meta ġurnali Ingliżi allegaw li l-Libja tat flus għall-kampanja elettorali tas-sena 1971

Apoloġija u kumpens ta’ LM1000 lil Dom Mintoff

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju ħamsin sena ilu, żewġ ġurnali Ingliżi kien għamlu apoloġija lill-Prim Ministru Dom Mintoff u ħallsu LM1,000  talli inġurjawh. Il-każ kien jinvolvi l-kampanja tal-elezzjoni meta kienu allegaw li l-Libja tat flus bħala spejjeż għall-elezzjoni.

Iż-żewġ ġurnali, id-Daily Telegraph u s-Sunday Telegraph, kienu ġew ordnati jippubblikaw  dikjarazzjoni ta’ apoloġija u ħallsu s-somma addatta li Dom Mintoff aċċetta.  Kien issemma’ li Dom Mintoff kien bi ħsiebu jagħti dik is-somma lill-Partit Laburista. 

F’rapport li kien ġie ppubblikat dakinhar fil-ġurnal L-ORIZZONT kien intqal li “f’kawża ta’ libell li għamel il-Prim Ministru tar-Repubblika ta’ Malta kontra s-Sunday Telegraph u d-Daily Telegraph, id-dikjarazzjonijiet  li ġejjin saru fil-Qorti bil-miftuħ.”

L-Avukat tal-Kwerelant

Intqal li “f’dawn l-azzjonijiet li qegħdin isiru flimkien għal-libell li jien qiegħed nidher f’isem il-kwerelant is-Sur Dominic Mintoff, Prim Ministru  tar-Repubblika ta’ Malta  u l-ħabib tiegħi Hugh Davidson qiegħed jidher f’isem il-kwerelati, l-edituri tas-Sunday Telegraph u tad-Daily Telegraph. Dawn iż-żewġ gazzetti jinbiegħu f’Malta kif ukoll f’dan il-pajjiż. Is-sur Mintoff ilu Kap tal-Partit Laburista f’Malta mis-sena 1949. Hu reġa’ sar Prim Ministru meta l-Partit Laburista kiseb maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali li saret f’Ġunju tas-sena 1971. 

Matul il-kampanja ta’ l-elezzjoni ġenerali ġie ppubblikat artiklu fis-Sunday Telegraph li rrefera għal rapporti li kien sar ħlas lill-Partit Laburista Malti mill-Gvern tal-Libja jew f’ismu bħala ‘spejjeż għall-elezzjoni’ u li s-sur Mintoff kien waslulu wegħdiet ta’ għajnuna finanzjarja għall-ekonomija ta’ Malta ‘dment li hu jorjenta mill-ġdid il-politika barranina ta’ Malta”. Artiklu li jih intqal li kien ġie rrappurtat li l-Partit Laburista Malti kien irċieva flus mingħand il-Gvern Libjan ġie pubblikat bl-istess mod fid-Daily Telegraph.”

Kien intqal li “mhux veru li l-Partit Laburista Malti irċieva flus mingħand il-gvern Libjan jew f’ismu bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tal-Partit fil-kampanja tal-elezzjoni ġenerali jew għal xi skop ieħor u s-sur Mintoff naturalment ma ittollerax li jitqiegħed f’pożizzjoni li permezz tagħha kun jista’ jingħad li hu seta’ jkun ġie influwenzat b’mod mhux xieraq f’dik li hi l-politika barranija ta’ pajjiżu. Għaldaqstant saru dawn il-proċedimenti minnufih wara l-pubblikazzjoni ta’ l-artikli li dwarhom saret kwerela. 

B’danakollu wieħed jista’ jgħid ġustament illi l-Kwerelati qatt ma ppruvaw huma stress li jiġġustifikaw ir-rapporti illi l-Partit Laburista ġie mogħti flus mill-Gvern Libjan jew seta’ ġie influwenza jew illi s-sur Mintoff kien ġie b’mod mhux xieraq fil-materja tal-politika barranija ta’ Malta. Tabilħaqq wara li saret kwerela f’isem is-sur Mintoff, il-Kwerelati  ppubblikaw  fid-Daily Telegraph iċ-ċaħda tas-sur Mintoff li qatt kien sar ħlas bħal dan.”

Ir-rapport kien qal li “l-Kwerelati ħallsu s-somma adattata fil-Qorti lis-sur Mintoff  hu kuntent li jaċċetta u li hu biħsiebu jagħti lill-Partit Laburista Malti. Il-Kwerelati qablu ukoll li jħallu l-ispejjeż tas-sur Mintoff u qegħdin jattendu l-Qorti llum permezz ta’ l-Avukat tagħhom biex jagħmlu apoloġija lill-Kwerelant. Meta l-għaref ħbieb tiegħi indirizza lill-Unur Tiegħek jiena nitlob biss illi ‘r-record’ jiġi irtirat.”

L-Avukat tal-Kwerelati

Kien intqal li “f’isem il-Kwerelati f’dan l-azzjonijiet li qegħdin isiru flimkien, nixtieq ngħid illi l-Kwerelati jammettu li ma kien hemm l-ebda bażi għar-rapporti li tħallsu flus lill-Partit Laburista Malti matul il-kampanja ta’ l-elezzjoni ġenerali minn jew f’isem il-Gvern Libjan u huma jagħmlu aploġija lis-sur Mintoff li ċċirkolaw dawn ir-rapporti.  Il-Kwerelanti qatt ma kellhom l-intenzjoni li jissuġġerixxu li s-sur Mintoff seta’ kien ġie influwenzat b’mod mhux xieraq dwar dik li hi politika barranija ta’ Malta u li huma jiddispjaċihom ferm jekk kien maħsub li s-suġġeriment bħal dan seta kien inkluż fl-artikli”.

Ir-rapport ikompli jgħid li “l-Avukat tal-Kwerelant qal li nitlob lill-Unur Tiegħek il-permess li nirtira r-‘record’. L-istqarrija li ġiet miftehma li tiġi ppubblikata fis-Sunday Telegraph u fid-Daily Telegraph hi din li ġejja: Is-Sur Mintoff, Prim Ministru ta’ Malta ingħata apoloġija fil-‘High Court’ Ingliża lbieraħ dwar rapporti f’żewġ gazzetti illi kien sar ħlas lill-Partit Laburista Malti mill-Gvern Libjan bħala ‘Spejjeż għall-Elezzjoni’.  U li waslulu wegħdiet ta’ għajnuna finanzjarja għall-ekonomija Maltija ‘dment li hu jorjenta mill-ġdid il-politika barranija ta’ Malta”. 

Fi stqarrija fil-Qorti li fiha tħabbru l-kundizzjonijiet għall-ftehim dwar passi ta’ libell kontra ‘The Daily Telegraph’ u ‘The Sunday Telegraph’, Jon Previte, għall-Kwerelant qal li s-sur Mintoff kien ilu Kap tal-Partit Laburista Malti mis-sena 1949 u reġa’ sar Prim Ministru meta l-Partit kiseb maġġoranza fl-elezzjonijiet ġenerali tas-sena 1971. 

Waqt il-kampanja elettorali ġew ippubblikati fiż-żewġ gazzetti msemija rapporti li kienu saru ħlasijiet bħal dawn. Ma kienx veru li l-Partit Laburista Malti kien irċieva flus minn jew f’isem il-Gvern tal-Libja bħala kontribuzzjoni għall-ispejjeż tiegħu fl-elezzjonijiet jew għal xi skop ieħor u s-Sur Mintoff ma kienx naturalment sejjer jittollera li jitqiegħed  f’pożizzjoni li biha jkun jista’ jingħad li seta’ jkun ġie influwenzat b’mod mhux xieraq f’dik li hi politika barranja ta’ pajjiżu. Hu ġust li wieħed jgħid madankollu, illi l-kwerelati stess qatt ma indenjaw ruħhom li jiġġustifikaw ir-rapporti u ċ-ċaħda tar-rapporti mis-Sur Mintoff kienet ġiet ippubblikata f’The Daily Telegraph’.  Il-kwerelati ħallsu somma xierqa fil-Qorti lil Mintoff u hu kuntent biha. 

Hugh Davidson, li deher għall-gazzetti qal li ma kien hemm ebda bażi għar-rapporti.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport