Saturday, December 21, 2024

“Meta jfalli student mill-iskola qiegħda tfalli l-iskola”- il-President Emmeritus Marie Louise Coleiro Preca

Aqra wkoll

F’kumment li tat lil dan is-sit dwar il-lat soċjali tal-Pre Budget Document 2025, il-President Emmeritus Marie Louise Coleiro Preca qalet li, “minn diskors il-Prim Ministru dwar ‘ekonomija li taħdem għan-nies’, qiegħda nifhem li dan il-budget se jagħti ħarsa lil hinn mill-prodott gross domestiku. Nixtieq nara budget maħdum fuq mhux biss it-tkabbir tal-ġid nazzjonali, iżda dwar x’impatt dan il-ġid qiegħed ikollu fuq in-nies”. Coleiro Preca hawn staqsiet, “għand min qiegħed jasal?  Min qiegħed igawdi minnu? Min qiegħed jieħu sehem f’dan il-ġid? Min qiegħed jitħalla barra? Bażikament qiegħda nara l-ħtieġa urġenti li l-kejl ma jistax jibqa’ fuq il-ġid finanzjarju, iżda jrid ikun marbut fuq jekk dan il-ġid finanzjarju li ġej minn tkabbir ekonomiku, huwiex  jasal ukoll għand dawk l-aktar fil-bżonn”. 

Qalet li t-tkabbir ekonomiku rapidu ta’ dan l-aħħar snin, “li rridu nirrikonoxxuh, ħoloq sitwazzjoni fejn kien hawn min mar tajjeb ħafna, oħrajn mhux ħażin, iżda rridu nammettu li kien hemm min ma mar xejn tajjeb u baqa’ lura”. 

Il-ħin mal-familja u t-tfal

Coleiro Preca spjegat li, “hekk inħolqot sitwazzjoni fejn in-nies qegħdin iservu l-ekonomija u mhux l-ekonomija qiegħda sservi lin-nies. Illum anke dawk li marru tajjeb mhux iħossuhom li sodisfatti b’ħajjithom, għax, x’jiswa li jkollok il-flus fil-but imbaghad biex tlaħħaq tissagrifika l-ħin minn mal-familja u minn mat-tfal.”

Hija tat stampa ta’ kif illum għandna ħaddiema li jaħdmu iżda biex ilaħqu jridu jaħdmu minn dlam sad-dlam.  “Ħaddiema li llum inqisihom bħala l-fqar li jaħdmu jew working poor. Illum ninsabu fil-quċċata tar-rata ta’ l-aktar poplu stressjat u tal-aktar poplu rrabbjat fl-Ewropa. Dan jirrifletti li minkejja li tkabbir ekonomiku matul is-snin, li kien wieħed bla preċedent, il-poplu inġenerali mhuwiex ferħan,” kompliet Coleiro Preca.

Is-sistema edukattiva u s-saħħa mentali tat-tfal

Hawn il-President Emmeritus tat xi eżempji konkreti. “Għandna sistema edukattiva li ninvestu ħafna fiha, iżda x’qiegħed ikun ir-riżultat?  Għadna b’rata għolja ta’ tfal mingħajr ħiliet bażiċi, rata għolja ta’ tfal li jitilqu kmieni mis-sistema edukattiva. Għandna sistema edukattiva li toħloq stress fuq it-tfal tagħna u stress fuq il-ġenituri li jkomplu  jżidu l-istress fuq it-tfal. Meta jfalli student mill-iskola għax imdejjaq mhuwiex l-istudent li jkun qiegħed ifalli imma s-sistema edukattiva kollha. Imbagħad m’għandniex għalfejn niskantaw bit-tant każijiet, anke serjissimi, ta’ saħħa mentali fuq it-tfal”.

Coleiro Preca elaborat li l-mod tat-tagħlim u l-għodda li għandhom bżonn l-għalliema mhux qegħdin ikunu jistgħu jużaw metodi differenti ma’ studenti differenti fejn żiedet li, “edukazzjoni l-istess u allura mhux indaqs għal kulħadd. Għandna sistema edukattiva li għadha mhiex tinkludi lil kulħadd. Insibu tfal b’diżabilità li jintbagħtu d-dar għax m’għandniex professjonisti speċjalizzati u mħarrġa biżżejjed biex jifhmu l-bżonnijiet ta’ tfal b’diżabilità fl-iskejjel tagħna.  Dan kollu jseħħ b’konsegwenzi serji għal dawn it-tfal u żgħażagħ li minflok ngħinuhom biex ikomplu jiżviluppaw qegħdin noħolqu sitwazzjoni fejn isir regress u telf ta’ investiment li nkunu għamilna għalihom bħala pajjiż biex ninkludhom fil-mainstream education”. 

Hija saħqet li għandna żgħażagħ b’diżabilità li mxew sew fil-ħajja edukattiva u jistgħu jkunu ta’ valur għal pajjiżna iżda dawn ma jiġux impjegati u ħafna employers jippreferu jħallsu l-multa għax ma jsegwux il-liġi milli jimpjegaw lil dawn iż-żgħażagħ.

Budget kruċjali

“Għal dawn in-nies u oħrajn l-ekonomija tista’ tkun qiegħda tikber u jistgħu jkunu f’qagħda tajba finanzjarja iżda m’għandhomx sodisfazzjon f’ħajjithom, għax qegħdin jikkombattu kontra sistemi, nuqqas ta’ taħriġ u mentalità. Inħoss li dan il-budget huwa kruċjali, inqisu li jrid ikun ‘turning point’ fil-ħsieb, b’ippjanar tajjeb biex nibdew inkejlu l-ġid nazzjonali mal-wellbeing tal-poplu tagħna”.

Coleiro Preca saħqet li, “rridu naħsbu fil-faxxa ta’ isfel. Il-faqar għadu magħna. Il-faqar fost it-tfal jeżisti.  X’opportunità edukattiva qegħdin nagħtu pereżempju lil dawk it-tfal li għad m’għandhomx aċċess għat-teknoloġija għax il-familja m’għandhiex mezzi finanzjarji? X’se nagħmlu dwar dawk il-familji li d-dħul tagħhom ma jlaħħaqx sa nofs ix-xahar u jsibuha diffiċli biex jagħtu lunch lil uliedhom għall-iskola? X’tip ta’ ħajja dinjituża għandhom dawk il-familji li m’għandhomx biex jixtru l-uniformijiet tat-tfal u l-aċċessorji l-oħra għall-iskola. Anke jekk illum teżisti l-iskema 9 u fondi oħra allokati għall-iskejjel, dawn il-ġenituri nieqsa finanzjarjament ma jinqdewx minn kollox u jispiċċaw jiġru minn għaqda għall-oħra biex jiġu mgħejjuna jagħtu dak li għandhom bżonn uliedhom biex imorru l-iskola”.

Staqsiet ukoll, “x’tip ta’ inkoraġġiment biex it-tfal ta’ familji fil-bżonn, qegħdin nagħtuhom, meta m’għandhomx biex jixtru l-gerijiet biex jingħaqdu fi klabbs tal-futball eċċ u jew jispiċċaw ma jibagħtuhomx għall-attività sportiva jew inkella jagħmlu wiċċhom biex xi ħadd iħenn għalihom?”.

“Jeħtieġ li nkejlu l-impatt fuq il-benesseri tan-nies”

Huwa ghalhekk li Coleiro Preċa temmen bis-sħiħ li mat-tkabbir ekonomiku u l-kejl mill-prodott gross domestiku jeħtieġ li nkejlu l-impatt fuq il-benesseri tan-nies. Il-wellbeing fil-kuntest wiesgħa tiegħu, li jiġbor fih l-ambjent,  is-saħħa, l-edukazzjoni u d-dħul. Fuq kollox is-sodisfazzjon u l-ferħ li qed tieħu mill-ħajja.

“Irridu nikkonfrontaw anke s-sitwazzjonijiet kontenzjużi bħat-traffiku u l-istress fuq l-ambjent naturali tagħna. L-ispazji għal uliedna fejn jistgħu jagħmlu d-stress fi spazji ħodor, siguri u inklussivi. Hemm bżonn ta’ aktar investiment fit-tfal mis-snin bikrin. Ma nistgħux lil uliedna għal ħafna ġenituri li bilfors iridu jaħdmu, jibqgħu jħossuhom li qegħdin ikollhom jipparkjaw lil uliedhom f’child care centre, b’sistemi li mhumiex flessibli”.

Fl-opinjoni tagħha, jeħtieġ li jkollna miżuri marbuta b’policies li jsiru minn fost in-nies u mhux minn fuq l-iskrivaniji.  Fir-rigward il-President Emmeritus qalet li, “hawn hekk hawn responsabbiltà fuq is-settur pubbliku li jifhem il-bżonnijiet u jipproponi policies ħolistiċi biex itejbu l-ħajja tan-nies. Hemm bżonn li dan il-budget jaqbad il-barri minn qrunu u jittieħdu d-deċiżjonijiet anke jekk mhux popolari għall-ġid komuni tagħna u tal-ġenerazzjoni tal-lum u ta’ għada”.

Marie Louise Coleiro Preca temmet tisħaq li, “l-ekonomija trid tkun dinjituża u etika u li sservi lil kulħadd: lill-ħaddiema biex jgħixu ħajja dinjituża u lil min jinvesti biex ikollu profitti diċenti. Dan huwa t-tip ta’ budget li nistenna”.

Ekonomija

Sport