Saturday, October 26, 2024

Meta jinstabu oġġetti lleċti fl-iskejjel jiġu kkonfiskati

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isports, Clifton Grima

Aqra wkoll

Fenomenu li dan l-aħħar qed jiġi nnutat f’xi skejjel f’pajjiżna huwa dak li studenti qed iġorru fil-basket tagħhom skieken u mwies kif ukoll affarijiet illeċti oħra. Proprju rigward din is-sitwazzjoni li sirna nafu aktar dwarha riċentament, dan is-sit talab il-fehma tal-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport, Clifton Grima.

Huwa qalina hekk, “Dan mhu xejn ġdid, peress li huwa fatt li l-istudenti jieħdu magħhom oġġetti li mhux suppost fl-iskola ilu għexieren ta’ snin. Meta jinstabu, l-oġġetti kollha jiġu kkonfiskati, u dejjem ittieħdet azzjoni dixxiplinarja kif meqjusa xierqa mill-professjonisti rispettabbli tagħna.”

“Din hija d-dejta miġbura. Irid jiġi nnotat li n-numru totali ta’ studenti fi skejjel statali primarji, medji u sekondarji jammonta għal 33,472.”

Fil-fatt, l-istatistika turi li l-iktar affarijiet illeċti komuni li jinstabu għand studenti huma sigaretti, kemm tat-tabakk u anki elettroniċi, u oġġetti li jaqtgħu u bil-ponta.

Dwar dan ukoll, Talk.mt ħa l-fehma tal-Psikologa u Membru Parlamentari Laburista, Dr Katya De Giovanni, li qaltilna li “Jistgħu jkunu diversi l-fatturi għaliex qed iwasslu għal dan. Li hu żgur hija li l-armi jkunu disponibbli għax dan bilfors li biex tfal ikollhom armi iridu jkunu disponibbli u jkollhom aċċess għalihom.

It-tieni punt huwa li l-armi jafu jużawhom, jiġifieri dawn qed jaraw nies li fil-veritá qed jużaw l-armi quddiemhom għax it-tfal jikkuppjaw l-imġieba tal-kbar jew ta’ ħaddieħor. Imbagħad jistgħu wkoll qed ikunu esposti għall-media fejn jaraw nies li qed jużaw l-armi u jkun hemm aggressjoni.”

Degiovanni sostniet li jista’ jkun ukoll li t-tfal fl-iskejjel li qed imorru, mhux qed jingħataw biżżejjed attenzjoni u mhux qed iħossuhom maħbubin u għaldaqstant qed jippruvaw jiġbdu l-attenzjoni u jirreaġixxu b’dan il-mod.

Sport