Il-kontroversja li tqanqlet fl-aħħar jiem dwar il-każ tal-bastiment “Conscience” li kien qed iġorr għajnuna umanitarja u li issa jinsab ankrat ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin wara li skont kif ġie rapportat kien attakkat, wasslet għal żvilupp politiku importanti fejn li għalkemm rari, f’din il-kwistjoni kien hemm qbil reċiproku u koperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dejjem fl-interess nazzjonali. Huma mumenti bħal dawn li għandhom jipprevalu f’sitwazzjonijiet li jinvolvu s-sigurtà massima nazzjonali.
B’sodisfazzjon innutajna li kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech iltaqgħu flimkien u ddiskutew din il-kwistjoni ta’ materja urġenti, u ngħatat informazzjoni dwar il-passi li kien qed jieħu l-Gvern fil-mument. Dan kollu jawgura tajjeb għall-futur u hi wkoll turija li meta ż-żewġ naħat ipoġġu madwar il-mejda kapaċi jħallu s-sens komun jipprevali u finalment jaslu għal qbil bejniethom.
Huwa dan li fil-fehma tagħna l-poplu Malti jrid jara. L-għaqda nazzjonali u mhux il-provokazzjoni, tgħajjir jew l-istorbju bil-borom u l-għotjien. Għax meta jkun hemm l-għaqda fost il-poplu kapaċi negħlbu kull sfida li tista’ tiġi fuqna anke għall-għarrieda. Kemm jekk sfidi lokali kif ukoll dawk internazzjonali.
Aħna nkomplu nisħqu li l-interess nazzjonali, speċjalment is-sigurta ta’ pajjiżna, għandu jipprevali dejjem u kullimkien. Fi kwistjonijiet bħal dawn ikun ta’ ġid għall-poplu jekk Gvern u Oppożizzjoni jmorru lil hinn mill-partiġġjaniżmu u jiġbdu l-istess ħabel, mhux parti sejra naħa u l-parti l-oħra sejra n-naħa opposta.
Filwaqt li huwa tajjeb li nibqgħu nsegwu l-iżviluppi li qed iseħħu fil-kwistjoni tal-bastiment “Conscience”, il-Gvern u l-Oppożizzjoni konvinti li se jibqgħu jużaw il-kawtela kif fil-fatt diġa’ qed isir. Konvinti wkoll li l-Gvern għax jemmen fil-preservazzjoni tal-ħajja se jagħti kull għajnuna li jinħtieġu n-nies li fadal abbord il-bastiment.
Nittamaw li l-kobba mħabbla madwar dan il-bastiment tinħall wara li l-Kaptan tal-bastiment aċċetta l-kundizzjonijiet tal-Gvern fosthom li jitla’ surveyor Malti biex jistma l-ħsara li saret fuq l-istess bastiment wara l-allegat attakk li sar fuqu. Dan biex il-Gvern ikollu stampa ċara ta’ kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa.