Saturday, December 28, 2024

“Meta kont qed nivvjaġġa f’pajjiżi Ewropej innutajt ir-rispett li s-sewwieqa għandhom lejn iċ-ċiklisti”

Steve Zammit Lupi li temm 41 jum ta’ sewqan bir-rota f’sitt pajjiżi

Aqra wkoll

Steve Zammit Lupi huwa attivist u kunsillier indipendenti fil-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ. Hu għadu kemm temm 41 ġurnata ta’ sewqan bir-rota li minn Malta ħaditu sal-belt Żvediża ta’ Stokkolma.

Zammit Lupi, magħruf ukoll bħala vidjografu kapaċi, għadda minn sitt pajjiżi sakemm wasal għad-destinazzjoni tiegħu fosthom l-Italja, l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, id-Danimarka u finalment l-Iżvezja.

Dan il-kunsillier hu wkoll magħruf li apparti li hu attivist, hu wkoll ambjentalist li ilu nvolut fil-grupp bl-isem ta’ Rota fejn iħeġġeġ ħafna nies sabiex jippruvaw dan il-mezz tat-trasport sempliċi u li jiffranka mhux biss ħafna flus iżda wkoll ħafna problemi relatati mat-traffiku li f’Malta u Għawdex naffaċċjaw ta’ kuljum. Dan kollu apparti l-vantaġġi li jkollok fiżikament fejn bniedem iżomm ruħu attiv.
Dan is-sit ħa l-kummenti ta’ Zammit Lupi ftit sigħat wara li temm din l-avventura b’suċċess fejn kien evidenti fih is-sens ta’ sodisfazzjon li ħass mal-wasla tiegħu fi Stokkolma.

Iżda kif ġietu l-idea li jwettaq din l-avventura?

“Jien personalment, ir-rota nħobbha ħafna u sa minn meta kont żgħir, minn dejjem kont indur biha. Nuża’ r-rota bħala sens ta’ rikreazzjoni għalkemm meta bdejt nikber bqajt nużaha għax bdejt naraha bħala alternattiva għat-traffiku u l-problema tal-parkeġġ kif ukoll li m’għandekx għalfejn tistenna l-karozza tal-linja.”

Steve għamel riċerka fuq Facebook fejn sab diversi gruppi fl-Ewropa li jagħmlu diversi vjaġġi bħalma għamel hu. Fil-fatt ‘l hekk imsejħa overland drive flok issir bil-karozza, issir bir-rota. Hu jgħid li din hi niċċa li fl-Ewropa qed issir dejjem aktar popolari u l-kultura tar-rota qed issir għax m’għandek prattikament spejjeż ta’ xejn, kemm tmur u taqdef.

Steve Zammit Lupi, li ta 23 sena kien elett u b’hekk ukoll beda jservi fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ, sostna li kellu jippjana xahrejn fejn ma kien se jaċċetta l-ebda xogħol u fl-istess ħin jiffoka sabiex iwettaq din il-bravura. Fil-verita’ ma kienx hemm ippjanar kbir għalkemm ried bilfors ħafna u ħafna kuraġġ.

Fil-fatt il-mistoqsija li jmiss kienet dik li nsaqsih dwar kif ipprepara fiżikament u mentalment għal din l-isfida li mad-daqqa t’għajn tidher li ma kinitx faċli.
“Il-preparamenti fiżiċi intensifikaw xahar qabel ma bdejt din l-isfida. Bdejt nagħmel distanzi twal madwar Malta sabiex ġismi jidra jaqdef għal sigħat twal u fil-ġimgħa kont qed nagħmel 200 jew 300 kilometru. Imbagħad b’ħafna taħriġ, il-ġisem jibda jidra u għalkemm bżajt minn xi injury, tista’ tgħid li kollox mexa kif suppost.”

“Ma ninsewx ukoll li jien ridt nistrieħ matul il-lejl fejn kont noqgħod f’lukanda. Wara li nkun qattajt ftit mistrieħ kont nerġa’ mmur naqdef u din saret rutina għal 14-il ġurnata sħaħ. Bla dubju li l-għejja tibda tagħmel tagħha iżda jien bdejt niġġieled kull element negattiv li seta’ kien hemm u naħseb li rnexxieli.”

Steve Zammit Lupi ma jikkunsidrax ruħu bħala atleta jew ċiklista professjonali għax qatt ma kkompeta f’xi kompetizzjoni. Hu dejjem uża r-rota bħala mezz tat-trasport. Fl-Ewropa dan hu mezz fejn popolari fejn tara nies ta’ kull eta’ minn żgħażagħ ta’ 15-il sena għal anzjani ‘l fuq minn 60 sena. Hu sostna li kontra kull perċezzjoni possibbli, min isuq mhux bilfors biex jikkompeti iżda wkoll biex jgħaddi ż-żmien u fuq kollox biex jivjaġġa minn post għall-ieħor.

“Jien għamilt total ta’ 4,400 kilometru u issa se nkun qed naqbad ferrovija biex niġi lura. Hemm vantaġġ kbir li int taqbad ferrovija għax minbarra li tibda sejjer lura minn fejn ġejt, tista’ ttellagħha miegħek kulfejn tkun.”

Tkellimna miegħu dwar it-toroq Maltin jekk humiex siguri

“Le fil-verita’ mhux siguri daqskemm għandhom ikunu. Meta kont qed nivjaġġa minn sitt pajjiżi differenti, stajt nara r-rispett li s-sewwieqa Ewropej għandhom lejn iċ-ċiklisti. Ħadt gost meta rajthom iċeduli jew inkella hemm tabelli apposta li jindikaw fejn irid imur iċ-ċiklist partikolari. Fil-verita’ qatt ma ħassejtni żejjed fit-triq!”

“Rigward is-sitwazzjoni f’Malta, inħeġġeġ sabiex isir bilanċ mill-awtoritajiet li jagħtu wkoll aktar fakulta’ liċ-ċiklisti mhux biss lis-sewwieqa Maltin. Fadal ħafna xi jsir f’dan ir-rigward.”

Zammit Lupi jgħidilna li kieku hawn kultura tar-rota f’pajjiżna, ix-xogħol jiġi aktar sempliċi aktar u aktar minħabba ċ-ċokon ta’ gżiritna. Id-distanzi qosra jgħinu sabiex tasal ġo post f’tebqa t’għajn apparti li qed tnaqqas it-tniġġiż fit-toroq u wieħed ma jkollux sfida fejn irid jipparkja filwaqt li għandek ħafna u ħafna vantaġġi.

Finalment tlabna lil Steve Zammit Lupi sabiex jgħaddi messaġġ lil dawk in-nies li forsi joqogħdu lura li jsuqu rota jew inkella saħansitra qatt ma ppruvaw jagħmlu dan

“Wieħed jista’ jsuq rota b’mod ferm faċli. Tajjeb li ngħidu li dan kien wieħed mill-ewwel mezzi tat-trasport li beda jeżisti ferm qabel il-karozza. Ir-rota baqgħet pjuttost l-istess hekk kif int trid taqdef sabiex tasal fejn tixtieq.”

“Għal dawk li qatt ma ppruvaw isuq ir-rota, nissuġġerilkom biex tippruvaw. L-emozzjoni li tħoss meta taqbad rota u tibda ssuq, hemm dak l-element ta’ liberta’. Jekk forsi ma kellekx iċ-ċans issuq meta kont għadek tifel jew tifla, ngħidlek li qatt mhu tard u llum saħansitra hawn lezzjonijiet li jgħinuk tibda dan l-isport jew passatemp, sejjaħlu li trid.”

“Jekk tibda r-rota, tkun tista’ tesperjenza aktar affarijiet li sewwieqa tradizzjonali tal-karozzi ma jkollhomx il-fakulta’ li jagħmluha. Jien mort lil hinn minn hekk u esperjenzajt 4,400 kilometru fejn żort sitt pajjiżi, mhux bl-ajruplan iżda bir-rota. Meta nħares lura ngħid kemm din l-esperjenza għallmitni ħafna u dawn huma mumenti li se ġġorrhom f’ħajtek u li ma jien se ninsa qatt!”.

Ekonomija

Sport