Wednesday, December 10, 2025

Meta l-‘ħmir’ ikunu stmati aktar minn tfal u nies f’kunflitt imdemmi

Jipproteġu ħmir minn Gaża imma lit-tfal iħalluhom hemm

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Empatija kbira għal dawn il-ħmir li jingħad li kienu qegħdin ibatu ħafna imma ebda sentenza fuq it-tbatija bla qies tal-Palestinjani f’assedju minn Iżrael

F’sentejn ta’ attakki ma jaqtgħu xejn mill-Gvern ta’ Netanyahu fuq Gaża hu kkalkulat li aktar minn 17,000 tfal spiċċaw maqtulin. Hu kkalkulat ukoll li hemm aktar minn 42,000 tfal li huma feruti u li għandhom bżonn għajnuna medika. U ma ntikomx tort li forsi ħafna minnkom jistaqsu imma dawn kif ma’ jiġux evakwati lejn pajjiżi oħra ħa jingħataw il-kura li għandhom bżonn? Hemm xi każijiet  ta’ tfal li inħarġu minn Gaża għal kura iżda dawn kienu ftit wisq u waħdiet.  

Biex wieħed joħroġ minn Gaża xejn mhi faċli u dan kien diffiċli minħabba l-imblokk li kien hemm mill-Gvern ta’ Netanyahu. Anki meta sar is-suppost ftehim ta’ paċi, fejn minkejja dan l-attakki baqgħu għalkemm naqsu, li wieħed jinħareġ minn Gaża kienet diffiċli. Imma waqt li tfal feruti diffiċli joħorġu, waqt li persuni impossibbli jinħarġu għall-kura, annimali jidher li hu aktar faċli għalihom biex jinħarġu u jingħataw il-protezzjoni.  

Ħafna ma setgħux jemmnu meta l-Ġermanja ħabbret li kienet se tilqa’ annimali minn Gaża eżattament ammont ta’ ħmir, imma fl-istess ħin irrifjutat id-dħul fil-Ġermanja ta’ Palestinjani midrubin u morda. Iva qrajtu sew. Aċċettaw il-ħmir bla problemi ta’ xejn, imma mhux tfal u persuni morda oħra. 

Azzjoni li tqajjem għadd ta’ mistoqsijiet. Kif pajjiż bħall-Ġermanja, jasal li jaċċetta aktar annimali minn Gaża milli nies? Possibbli dan il-messaġġ ħażin ma rawhx? Possibbli ma indunawx dan x’messaġġ iwassal? Id-deċiżjoni biex ma jeħdux tfal u Palestinjani minn Gaża kienet verament ibbażata minħabba proċeduri kumplikati, jew hemm affarijiet oħra? U fuq kollox il-proċeduri jekk ikkumplikati għall-Ġermanja kienu kkumplikati bl-istess mod ukoll għal pajjiżi oħra li ddeċidew imma li jieħdu ammont ta’ tfal. Il-fatt li l-Ġermanja hi t-tieni l-akbar esportatur tal-armi lejn Iżrael, kellha xi tip ta’ piż fuq din id-deċiżjoni?  U metą tara dan tifhem għaliex għal xhur sħaħ il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea għażlu li jibqgħu siktin fuq dak li kien għaddej f’Gaża, għajr għal istanzi fejn xi wħud xi kultant għażlu li jżerżqu xi dikjarazzjoni, ħafna drabi għall-konvenzjenza.

Il-messaġġ li tieħu mid-deċiżjoni Ġermaniża xi jkun? …li l-Palestinjani stmati inqas mill-annimali

Quddiem dak deċiż mill-Ġermanja u kif ħmir minn Gaża spiċċaw ingħataw kenn f’Oppenheim, il-messaġġ li joħroġ hu ċar – li l-Palestinjani stmati inqas mill-annimali. Meta nħarġet l-aħbar għall-ewwel darba fil-Ġermanja, ħafna ħasbuha bħala xi ċajta. It-titlu f’gazzetta Ġermaniża kien jaqra: “Ħmir żgħar salvati minn Gaża jsibu dar f’Oppenheim”. L-aħbar ittellgħet fuq is-sit ta’  Instagram. Immedjatament il-parti tal-kummenti fuq din l-aħbar imtliet b’kull tip ta’ kummenti iebsin. Inqala’ kaos sħiħ fuq l-istess kummenti u l-post kellha tiġi diżattivata  minħabba bosta kummenti mhux xierqa u ta’ mibegħda. Il-kritika kienet diretta lejn id-deċiżjoni tal-Ġermanja li tieħu erba’ ħmir. 

Deċiżjoni b’kuntrasti kbar… tkompli tispikka l-inumanità mal-Palestinjani f’Gaża

Għal ammont ta’ xhur, rajna inumanità bla qies f’Gaża. Attakki bla preċedent fuq nies ċivili u tfal. Rajna attakki fuq sptarijiet u skejjel. Rajna filmati kontra filmati u ritratti ta’ tfal imbiċċra. Oħrajn jitkarrbu l-għajnuna. Ħafna oħrajn spiċċaw għadma u ġilda minħabba li l-ikel kien imblukkat.  U ovvjament kif inħarġet l-aħbar ta’ l-erba’ ħmir salvati minn Gaża, għal ħafna din tqieset minn ħafna bħala deċiżjoni li turik l-inumanità li qiegħda tintwera lejn il-poplu Palestinjan.  Waqt li wieħed jifhem li wieħed għandu jsalva l-annimali minn dawk l-attakki qawwija, l-istess ħsieb jgħoddu ukoll għall-persuni umani. 

Id-deċiżjoni tal-Ġermanja wieħed irid jeħodha f’kuntest sħiħ. Dan hu dak li minn Ottubru tas-sena 2023 tista’ tgħid li kien hemm biss żewġ itfal minn Gaża li ingħataw kenn fil-Ġermanja. 

Waqt li l-Ġermanja aġixxiet b’dan il-mod, kien hemm pajjiżi tal-Punent – ewlenija fosthom Spanja li kienu ddeċidew li jieħdu kontingenti ta’ tfal midruba jew morda minn Gaża għal kura medika.  

Fil-Ġermanja kien hemm diversi għaqdiet u anke bliet Ġermaniżi li urew l-umanità tagħhom. Filfatt kien hemm diversi bliet Ġermaniżi li min jeddhom għamlu offerta biex jieħdu numru  ta’ minorenni minn Gaża. Ġara iżda li l-gvern Ġermaniż mblokka dawn il-pjanijiet. Il-Gvern Ġermaniż ta’ raġuni għad-deċiżjoni tiegħu u din kienet dik li ’s-sitwazzjoni hi imprevedibbli ħafna f’Gaza’ anke wara l-waqfien mill-ġlied uffiċjali. 

Il-kritika għal din id-deċiżjoni ma naqsitx. Il-Gvern iżda minn naħa tiegħu dejjem irrefera għal dawk li hu sejjaħ bħal proċeduri ikkumplikati u dan anke minħabba li jkun hemm bżonn li jiġu vverifikati l-membri tal-familja li se jakkumpanjawhom. 

Il-lingwaġġ użat fil-konfront tal-ħmir… .nieqes ħafna fil-konfront tal-Palestinjani

Wieħed ma jistax ma jikkummentax fuq kif ċerti sezzjonijiet tal-midja Ġermaniża trattaw il-protezzjoni ta’ dawn il-ħmir.  Ir-rapporti qalu li ‘ħallew warajhom il-ġuħ u l-miżerja, is-swat u l-isfruttament.”  Imma imkien ma jissemma’ min ikkawża it-tbatija għal dawn il-ħmir – li kienu l-attakki minn Iżrael. U waqt li intużat din l-empatija, fil-konfront ta’ persuni umani f’Gaża f’sentejn sħaħ din l-empatija ftit li xejn dehret.  Jekk wieħed janalizza r-rapporti li qegħdin jinħarġu llum fil-Ġermanja, isib li huma biss xi attivisti xellugin, għax hemm attivisti xellugin li huma litteralment siktin,  li għadhom qegħdin jiddeskrivu dak li qed jiġri f’Gaża bħala “ġenoċidju.” Ma’ dan ma ssib xejn dwar l-istat psikoloġiku li jinsabu fih il-Palestinjani, bħalissa ħafna f’tined mgħarrqin f’ilma imħallat bid-drenaġġ.   

30 fil-mija tal-esportazzjoni tal-armi lejn Izrael kienet mill-Ġermanja

U biex wieħed jifhem aktar il-kuntrast għad-deċiżjoni Ġermaniża li tgħin lill-ħmir imma mhux lin-nies innoċenti f’Gaża, tajjeb wieħed janalizza x’kien qed isir fejn tidħol l-esportazzjoni ta’ armamenti mill-Ġermanja lejn Iżrael.  Filfatt ftit jiem ilu, l-Ġermanja ħadet azzjoni biex terġa’ tibda l-bejgħ tal-armi lil Iżrael li kien ilu sospiż minn Awwissu minħabba l-gwerra f’Gaża. Il-Ġermanja speċifikat li din id-deċiżjoni hi suġġetta għall-osservanza tal-waqfien mill-ġlied u l-għoti ta’ għajnuna umanitarja fuq skala kbira.

Irid jingħad li l-Ġermanja hi t-tieni l-akbar esportatur ta’ armi lejn Iżrael wara l-Istati Uniti. Il-Ġermanja hija waħda mill-aktar sostenituri qawwija ta’ Iżrael, prinċipalment minħabba l-Olokawst li seħħ fit-Tieni Gwerra Dinjija. 

Skont l-Istitut Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Paċi ta’ Stokkolma, il-Ġermanja pprovdiet 30 fil-mija tal-importazzjoni  ta’ armi lejn Iżrael bejn is-snin 2019-2023. Dan jinkludi primarjament tagħmir navali fosthom bastimenti  tal-klassi Sa’ar 6 (MEKO A-100 Light Frigates), li ntużaw fil-gwerra ta’ Gaża.

Jitkellmu attivisti…..’assurdità’ ’skandlu’

Abdullahi Adan, Palestinjan jitkellem ċar dwar din id-deċiżjoni. Jgħid li “Gvern Ġermaniż bla mistħija qed jippretendi li jgħin lill-ħmir minn Gaża meta l-bnedmin qed jesperjenzaw tbatija bla tmiem, imwiet u qerda mir-reġim Żionista. Dan huwa assurd.” Hu qal li l-fatt li erba’ ħmir kienu meħuda minn Gaża minn organizzazzjoni Iżraeljana u ngħataw dar ġdida f’zoo fil-Ġermanja hi kuntrast qawwi mar-rifjut tal-pajjiż li jgħin lit-tfal evakwati minn Gaża.

Kienu diversi dawk l-attivisti li kkummentaw kif il-Ġermanja aċċettat biss żewġt itfal meta pajjiżi oħra aċċettaw ferm aktar. Diversi huma dawk li stasqsew li jekk il-proċeduri kienu kkumplikati dawn ma kinux għall-Ġermanja biss imma għal kull pajjiż inkluż dawk li ħadu ammont ta’ tfal biex jikkurawhom. Wieħed irid jirrimarka umoll li l-Ġermanja irrifjutta wkoll li tipproċessa t-talbiet għall-ażil ta’ mijiet ta’ Palestinjani għal 18-il xahar, u temmet l-iffriżar fuq l-applikazzjonijiet biss f’Lulju li għadda.

Xi wħud iddeskrivew il-każ tal-ħmir u t-trasport tagħhom lejn il-Ġermanja bħala ‘skandlu’. Dawn ittieħdu  f’zoo f’Oppenheim u erba’ ħmir oħra ittieħdu f’Ballermann Ranch f’Lower Saxony. Dawk f’Oppenheim saħansitra ingħataw l-isem ta’ Anna, Elsa, Greta u Rudi. 

Il-waqgħa morali ta’ pajjiż bħall-Ġermanja

Khaldun Hamad, metą jikkummenta dwar dan il-każ ma joqgħod jomgħodha, u jgħid li l-fatt li l-Ġermanja aċċettat li tieħu tmint iħmir minn Gaża imma fl-istess waqt aċċettat biss żewġt itfal minn Gaża, meta hemm eluf fil-bżonn, juri kontradizzjoni kbira. Juri b’mod ċar il-waqgħa morali ta’ dan il-pajjiż.”. 

Il-Ġermanja akkużata li appoġġjat  il-‘ġenoċidju’ ta’ Iżrael

Tajjeb li wieħed isemmi li l-Ġermanja  appoġġjat b’mod attiv il-ġenoċidju ta’ Iżrael f’Gaża. Filfatt f’Ottubru tas-sena 2023 żiedet l-esportazzjonijiet tal-armi lejn Iżrael b’għaxar darbiet, u b’hekk saret it-tieni l-akbar fornitur ta’ armi lejn Iżrael wara l-Istati Uniti. Il-Ġermanja kienet tkellmet dwar l-attakki minn Iżrael u ddeskriviethom bħala awtodifiża u dan wassal biex il-Ġermanja issa tinsab akkużata fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustuzzja. Dan sar wara li n-Nikaragwa akkużatha li għenet fil-ġenoċidju f’April tas-sena 2024. Ma’ dan imbagħad rajna kif fil-Ġermanja protesti kontra l-attakki ta’ Iżrael kienet tkissru bi vjolenza mill-Pulizija. Ma’ dan ittieħdu passi kriminali kontra dawk li pprotestaw. 

U issa is-skiet… bl-iskuża tal-pjan ta’ paċi

U issa, waqt li l-attakki baqgħu għaddejjin, waqt li qiegħda tkompli it-tbatija, u waqt li komplew l-imwiet mill-attakki, jirrenja is-skiet. Fost il-pajjiżi Ewropej skiet totali. Donnu issa kulħadd kuntent li kien tħabbar li sar ftehim. Issa donnu kulħadd qiegħed idawwar wiċċu banda għal attakki li għaddejjin, għat-tbatija li hemm. U dan iqajjem il-mistoqsija – is-suppost pjan u ftehim ta’ paċi x’kien l-għan tiegħu? Li kulħadd idawwar wiċċu banda oħra u ma jagħtix każ aktar il-ġenoċidju li għaddej? Sa issa dan hu dak li ġara.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport