Saturday, October 4, 2025

Meta l-ikel sar arma … Gaża u l-Jum Internazzjonali ta’ Għarfien dwar Telf u Skart ta’ Ikel

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Din il-ġimgħa, eżattament nhar it-Tnejn li għadda, 29 ta’ Settembru, id-dinja fakkret il-Jum Internazzjonali ta’ Għarfien dwar Telf u Skart ta’ Ikel. Ġurnata li normalment titkellem dwar sostenibbiltà, effiċjenza u kif innaqqsu l-iskart fil-katini tal-provvista u fil-kċejjen tagħna. Din is-sena l-kuntest huwa pjuttost differenti hekk kif b’kuntast qawwi, fuq naħa jsiru kampanji biex ma jkunx hemm ħela, allura hemm aktar mill-bżonn, mentri fuq in-naħa l-oħra hemm tfal f’Gaża li qegħdin imutu bil-ġuħ. Dan għax Iżrael għażel li juża l-ikel bħala arma fil-ġenoċidju li qiegħed jagħmel tal-poplu Palestinjan.

Dan il-jum, maħluq mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lura fl-2019, għandu l-iskop li jqajjem kuxjenza dwar problema li hija kemm teknika, kif ukoll morali, fejn nofs l-ikel li nipproduċu qatt ma jasal għand min jeħtieġu. Xi drabi jintilef wara l-ħsad mentri xi drabi jintrema minn bejjiegħa jew konsumatur. Dan ifisser li ta’ kull sena, miljuni ta’ platti potenzjali jinħlew kull sena. L-istess ħela għandha konsegwenzi serji fuq l-ekonomija, fuq l-ambjent u fuq id-dinjità tal-bniedem.

Il-kampanja globali qajmet għarfien biex kull wieħed u waħda minnha naraw kif innaqqsu l-iskart, biex nirrispettaw il-ħidma tal-bdiewa u biex inqassmu l-eċċess lil min għandu bżonn. L-għanjiet tal-Nazzjonijiet Uniti huwa li sal-2030 jitnaqqas b’nofs l-iskart ta’ ikel. Għal pajjiżi industrijalizzati dan ifisser li ma narmux frott misjur, li ma nixtrux aktar milli nistgħu nieklu, li nħallu l-food banks jaħdmu u li ninvestu f’ħażna u trasport aħjar.

Iżda din is-sena, fid-dawl tal-kriżi umanitarja serja li għaddejja f’Gaża, il-messaġġ ta’ dan il-Jum kellu tifsira ġdida. Din ma baqgħetx biss kwistjoni ta’ ikel mormi minn supermarkets jew porzjonijiet kbar mir-ristoranti, imma realtà fejn f’temp reali għandna eluf ta’ tfal li qegħdin imutu bil-ġuħ għax lanqas qamħ jew ħobż ma jaslu għandhom.

Il-problem globali tal-ikel mitluf

… Ċifri li jbeżżgħu

Rapporti tal-FAO u tal-UNEP juru li kważi terz tal-ikel globali jintilef jew jintrema. Parti tintilef fil-produzzjoni, oħra fit-trasport jew fil-ħażna u ħafna oħra fl-aħħar stadju – fuq l-ixkafef jew fil-kċina tagħna.

Konsegwenza ta’ dan huma mhux biss ġuħ f’pajjiżi foqra iżda wkoll ħsara ambjentali enormi u telf ekonomiku ta’ biljuni ta’ dollari.

Għanijiet nobbli

L-IDAFLW twaqqaf biex iqanqal kuxjenza. L-għan huwa li sal-2030 innaqqsu b’nofs l-iskart tal-ikel, inrawmu kultura ta’ rispett lejn l-ikel u nsaħħu sistemi ta’ ridistribuzzjoni.

Fid-dinja ta’ abbundanza dawn l-għanijiet huma loġiċi. Imma f’Gaża, fejn il-ġuħ huwa impost, dawn l-argumenti huma littteralment lussu.

Gaża: Il-ġuħ bħala strateġija kiefra

Kollass ta’ produzzjoni u provvista

Il-ħsara fuq l-art agrikola f’Gaża hija devastanti fejn aktar minn 80% tal-produzzjoni nqatgħet. Ħxejjex, frott u ċereali sparixxew. L-ilma huwa nieqes jew maħmuġ u ħafna mill-maħżenijiet ġew meqruda.

Agħar minn hekk, kull tip ta’ għajnuna umanitarja hija, għal dawn l-aħħar xhur, imwaqqfa. Kif issa ilna naraw, kull konsenja umanitarja lejn il-poplu Palestinjan qiegħda titwaqqaf jew attakkati mill-forzi Iżraeliti. Kċejjen komunitarji li kienu jqassmu eluf ta’ ikliet kuljum issa għalqu u hemm sitwazzjoni fejn familji sħaħ qegħdin jgħixu fuq ftit porzjonijiet fil-ġimgħa, xi drabi biss ftit għads jew ħobż niexef.

It-tfal f’nofs il-kriżi…

L-istatistika hija orribbli. Mijiet ta’ eluf ta’ tfal f’Gaża qegħdin isofru minn malnutrizzjoni akuta. Xi wħud jaslu sptarijiet b’ġisem dgħajjef u għadam viżibbli, ħafna oħrajn lanqas ma jaslu għax imutu qabel. Din mhiex konsegwenza ta’ skart jew ineffiċjenza, imma ta’ imblukkar deliberat.

Ix-xhieda mill-art:

L-omm li rritornat b’idejha vojta

“Stennejna konvoj ta’ għajnuna għal sagħtejn sħaħ. Meta waslu però ma kellhomx biżżejjed pakketti. It-tfal tiegħi qegħdin jorqdu bil-ġuħ. Kultant nħossni ħatja għax ma nistax nagħtihom lanqas biċċa ħobż.” Din hija l-karba ta’ omm Palestinjana li ma tafx se tagħmel iżjed biex titma’ lil uliedha. 

Din it-tbatija jarawha l-ġurnalisti, l-għaqdiet u l-volontiera li jinsabu fil-Medda ta’ Gaża. Volontier f’din iż-żona tal-gwerra stqarr li, “qabel konna nqassmu mal-1,500 ikla kuljum. Issa jekk ikollna ingredjenti naslu għal 200 biss. L-aktar parti iebsa hija meta nibgħat lin-nies lura b’idejhom vojta”.

Il-paradoss globali

Filwaqt li pajjiżi sinjuri jwarrbu u saħansitra jarmu frott u ħaxix għax ma jkunux perfetti għall-ixkafef tagħhom, f’Gaża eluf tfal lanqas għandhom imqar biċċa tuffieħa. Dan huwa l-kuntrast li jżeblaħ kull sens ta’ ġustizzja. 

Il-Jum ta’ għarfien irid jinbidel

Il-IDAFLW għandu jkun aktar minn kampanja dwar sostenibbiltà. Għandu jkun għajta għall-aċċess garantit għall-ikel f’żoni ta’ konflitt. Dan għax huma tfal innoċenti li l-aktar li qegħdin ibatu. Jekk inħarsu lejn rapporti minn UNICEF u l-World Food Programm (WFP) naraw kif mijiet ta’ eluf diġà għandhom sinjali ta’ malnutrizzjoni akuta. Fi sptarijiet li għadhom jiffunzjonaw, tabib irrakkonta kif ġejjin qegħdin jaraw trabi b’ġuħ sever, bi ġisem dgħajjef u għadam viżibbli taħt il-ġilda. Ħafna minnhom ma jaslux biex jirċievu trattament.

Il-komunità internazzjonali għandha responsabbiltà morali u legali. Il-ġuħ bħala arma huwa kriminalità tal-gwerra. Huwa meħtieġ li koriduri siguri u protetti jinfetħu.

Minn “Naqqsu l-Iskart” għal “Ħallu l-Ikel Jgħaddi”

Il-Jum Internazzjonali ta’ Għarfien dwar Telf u Skart ta’ Ikel ta’ din is-sena jagħtina stampa globali kontradittorja għall-aħħar. Ngħixu f’dinja fejn nipproduċu biżżejjed ikel biex inxebbgħu lil kulħadd imma, sfortunatament, għadna naraw tfal imutu bil-ġuħ.

Il-messaġġ ta’ dan il-Jum Internazzjonali għandu jinbidel. Mhux biss “ma narmux” imma “ma nħallu lil ħadd imut bil-ġuħ”. Għall-Palestijani f’Gaża mhuwiex reċiklaġġ jew immaniġġjar aħjar, iżda li l-ikel finalment u ġustament, jasal għand min għandu bżonnu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport