Il-Partit Nazzjonalista għaddej minn kampanja li suppost kienet opportunità biex jerġa’ jgħolli rasu bħala forza li tista’ toffri tmexxija alternattiva. Minflok, dak li qegħdin naraw, huwa proċess politiku li filwaqt li huwa leġittimu, qiegħed juri aktar interess f’kontroll ta’ struttura milli fil-ġid komuni.
Dan kollu qiegħed iseħħ f’mument deċiżiv għall-Partit, wara snin twal ta’ telfiet elettorali, kriżijiet ta’ tmexxija u l-ħtieġa urġenti li jerġa’ jara lilu nnifsu mhux biss bħala partit, imma bħala viżjoni. Il-mistoqsija mhiex min għandu jkun Kap iżda, jekk hemmx xi ħadd fost iż-żewġ kandidati li jista’ jfakkar lill-Partit għalfejn teżisti Oppożizzjoni f’demokrazija.
Nemmnu li Oppożizzjoni b’saħħitha u kredibbli hija importanti. Qiegħda hemm biex f’pajjiż demokratiku tipprovdi bilanċ, tisfida l-poter u twassal il-vuċi ta’ dawk li ma jaqblux mal-gvern tal-ġurnata. Dan huwa doppjament importanti f’pajjiż fejn il-Gvern ilu snin igawdi minn vantaġġi elettorali kbar u minn kontroll qawwi fuq l-istituzzjonijiet. Blanċ reali huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel.
Illum, min qiegħed isegwi dan il-proċess jistaqsi mhux biss jekk il-Partit Nazzjonalista huwiex magħqud, imma jekk għadux relevanti. Il-kontestazzjoni bejn Alex Borg u Adrian Delia, li għaddiet minn ġimgħa kruċjali b’ħafna stejjer, intervisti u anke kummenti fil-midja, saret xena oħra fejn il-politika nbidlet fi spettaklu. Hemm min qiegħed jippretendi lealtà u mhux jikkonċentra fuq dak li verament jgħodd – ideat jew proposti. Mitluf fuq nies jew klikek. Din l-attitudni hija perikoluża mhux biss għar-riforma interna, imma anke għall-fiduċja tan-nies fil-politika nnifisha.
Kull partit, speċjalment Oppożizzjoni, għandu dmir li joffri tama konkreta lill-pajjiż. Din il-kampanja messha kienet l-ewwel pass f’dik id-direzzjoni b’diskors ċar dwar x’hemm bżonn isir fil-pajjiż u x’soluzzjonijiet jistgħu jiġu offruti lill-poplu Malti u Għawdxi. Minflok, smajna aktar fuq min tkellem ma’ min, min tradixxa lil min u min għandu aktar “likes”.
Il-poplu m’għandux bżonn tmexxija li tfittex l-applaws. Għandu bżonn tmexxija li tħares ’il quddiem b’serjetà, valuri u impenn. Il-PN għandu ċ-ċans – forsi l-aħħar wieħed f’dan il-mument storiku – biex jerġa’ jagħti definizzjoni ta’ x’inhija Oppożizzjoni. Għandu ċ-ċans li jsir relevanti.
Jekk jonqos milli jagħmel dan, ma jkunx biss tilef elezzjoni ġenerali oħra imma jitlef kompletament ir-rwol tiegħu f’demokrazija li diġà qiegħda tbati minn nuqqas ta’ fiduċja. Meta l-Oppożizzjoni titlef ir-rwol tagħha, jitlef il-poplu wkoll. Dan għax id-demokrazija mingħajr għażla vera ssir farsa.