Filwaqt li l-akkomodazzjoni qiegħda tkompli tkun waħda mill-akbar sfidi soċjali fl-Unjoni Ewropea, Malta reġgħet spikkat b’mod pożittiv fost il-pajjiżi membri tal-Blokk. L-aħħar ċifri għall-2024 mill-Eurostat juru li 16,9% tan-nies fl-UE għexu f’unitajiet domestiċi ffullati żżejjed, tnaqqis żgħir iżda sinifikanti meta mqabbel mat-18,1% fl-2014. Dan it-titjib gradwali, għalkemm inkoraġġanti, jibqa’ juri realtà diffiċli għal miljuni ta’ Ewropej. F’dan il-kuntest, il-prestazzjoni ta’ Malta hija notevoli.
Fil-fatt, waqt li aktar minn 30% tan-nies f’ħames pajjiżi tal-UE għadhom jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ ffullar eċċessiv, Malta tinsab fost l-aqwa tliet pajjiżi fl-Ewropa kollha. L-istatistika sabet li r-Rumanija għandha l-ogħla rata ta’ ffullar b’rata ta’ 40,7% segwita mill-Latvja (39,3%), il-Bulgarija (33,8%), il-Polonja (33,7%) u l-Kroazja (31,7%). Dawn iċ-ċifri juru differenza qawwija bejn pajjiżi fejn il-politika soċjali hija dgħajfa jew frammentata u oħrajn fejn l-istat għandu rwol attiv.
Riżultat sinifikanti għal pajjiżna
B’kuntrast l-aktar rati baxxi ta’ ffullar eċċessiv fid-djar ġew irreġistrati f’Ċipru (2,4%), f’Malta (4,4%) u fl-Olanda (4,6%). Għal Malta, dan ir-riżultat huwa partikolarment sinifikanti minħabba ċ-ċokon tal-pajjiż, id-densità għolja tal-popolazzjoni u t-tkabbir ekonomiku qawwi li esperjenzat fl-aħħar snin.
L-iffullar eċċessiv fid-djar huwa indikatur soċjali kruċjali. Ma jitkellimx biss fuq spazju fiżiku iżda wkoll fuq il-kwalità tal-ħajja, il-privatezza, is-saħħa mentali u d-dinjità umana. Familji li jgħixu fi djar b’ħafna residenti huma aktar esposti għal problemi ta’ stress, tensjoni domestika u diffikultajiet edukattivi għat-tfal. Għalhekk, ir-rata baxxa lokali mhiex biss suċċess statistiku, iżda wkoll kisba soċjali konkreta.
Frott ta’ politika soċjali b’viżjoni
… investiment, skemi u għajnuna
Dan ir-riżultat ma ġiex b’kumbinazzjoni. Huwa frott ta’ politika soċjali mmexxija b’viżjoni mill-Gvern li poġġa l-akkomodazzjoni fost il-prijoritajiet ewlenin tiegħu. Dan għamlu b’investiment qawwi fl-akkomodazzjoni soċjali, skemi ta’ assistenza għall-kera u oħrajjn biex jgħinu lill-ewwel xerrejja kif ukoll b’għajnuna diretta biex il-familji vulnerabbli ma jispiċċawx emarġinati mis-suq tal-proprjetà. Dawn kollha huma miżuri li qegħdin jagħtu riżultati tanġibbli.
Importanti li wieħed jinnota li f’ħafna pajjiżi Ewropej oħra l-akkomodazzjoni tħalliet kważi kompletament f’idejn is-suq. Dan wassal għal żidiet qawwija fil-kirjiet, nuqqas ta’ djar affordabbli u, konsegwentement, livelli għoljin ta’ ffullar. Malta għażlet triq differenti: mudell li jibbilanċja l-iżvilupp ekonomiku mal-ġustizzja soċjali, konsistenti mal-valuri soċjalisti ta’ solidarjetà u ugwaljanza fl-opportunitajiet.
Is-suq tal-proprjetà jibqa’ sfida dinamika
Minkejja ż-żieda fil-popolazzjoni u fl-attività ekonomika, il-Gvern irnexxielu jżomm pressjonijiet soċjali taħt kontroll. Dan juri tmexxija responsabbli u proattiva li ma tistenniex li l-problemi jeskalaw, iżda taġixxi b’politika preventiva u mmirata.
Naturalment, il-ħidma ma tieqafx hawn. Is-suq tal-proprjetà jibqa’ sfida dinamika u hemm bżonn ta’ monitoraġġ kontinwu. Iżda, iċ-ċifri Ewropej jikkonfermaw li d-direzzjoni meħuda hija waħda korretta u li Malta toffri livell ta’ stabbiltà soċjali li ħafna pajjiżi akbar qegħdin ibatu biex jilħqu.
Finalment, ir-rata ta’ 4,4% ta’ ffullar eċċessiv f’Malta hija xhieda li politika soċjali b’saħħitha tagħmel differenza reali. Hija storja ta’ suċċess li tikkonferma li meta gvern ipoġġi lin-nies l-ewwel, ir-riżultati jinkisbu għall-ġid fil-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini. Din hija Malta li temmen fil-progress soċjali u li qiegħda tkompli turi li mudell soċjalment ġust mhux biss possibbli, imma effettiv.



