Ammont ta’ snin ilu, is-sitwazzjoni politika kienet taħraq tant li inċidenti bejn naħa u oħra kienu jissemmew b’mod regolari. Dawn kienu jkunu inċidenti, xi drabi ta’ ġlidiet mhux żgħar jew atti li dwarhom kienet tqum kontrovesja sħiħa. Kien hemm żmien li spiss kienu jinstemgħu b’każijiet ta’ attakk fuq każini jew partitarji. Illum dawn l-inċidenti, huma biss xi ħaġa tal-passat u dan il-fatt jurik li minkejja l-partiġġjaniżmu li għad hawn f’pajjiżna, il-poplu tagħna kiber u immatura tant li lum inċidenti simili lanqas għadhom jissemmew.
Minkejja din il-maturità politika huwa importanti li xorta waħda nfakkru dak li kien iseħħ. Infakkru mhux aktar biex nitkażaw, imma biex ma ninsewx. Iż-żmien faċli jnessi. Faċli jwasslek biex tibda taħseb li dak li kien seħħ qatt ma jista’ jerġa’ jirrepeti ruħu. L-istorja tgħallimna, li min ma jfakkarx l-istorja jew jagħżel li ma jfakkarx, ikollu riskju kbir li jispiċċa ikkundannat jerġa’ jgħix dik l-istorja”.
Proprju 50 sena ilu kien seħħ każ simili l-Ħamrun. Kien każ li fih partitarji Laburisti qalgħu xebgħa sempliċiment għax kienu Laburisti u kienu qegħdin iwaħħlu posters mal-ħitan, xi ħaġa li kienet komuni għal dak iż-żmien.
Dakinhar f’L-Orizzont ġie ppublikat rapport intitolat “Terroriżmu stil faxxista minn Nazzjonalisti fil-Ħamrun. Laburist ferut bl-armi”.
Armati bi skieken, imwies u ponnijiet tal-ħadid…
Ir-rapport kien jgħid hekk: “Att barbaru stil faxxista twettaq fil-ħemda tal-lejl li għadda fil-Ħamrun meta ġemgħa ta’ rġiel Nazzjonalisti armati bi skieken, imwies u ponnijiet tal-ħadid attakkaw ħames Laburisti li bil-kwiet kienu qegħdin iwaħħlu posters Laburisti mal-ħitan. Il-Laburisti sfaw vittmi tad-daqqiet ta’ dawn l-irġiel għall-ħabta ta’ nofs il-lejl. Ftit ħin wara l-Pulizija kienet diġà żammet xi nies biex jgħinuha fl-investigazzjoni. Uħud minn dawn huma magħrufa bħala partitarji kbar Nazzjonalisti.
F’dan l-attentat ta’ intimidazzjoni indarab gravement Francis Catania ta’ 45 sena mill-Ħamrun. Indarbu wkoll it-tifel tiegħu Lino, Gejtu Vella, Carmelo Portelli u Francis Piccione kollha mill-Ħamun. Catania, il-missier u t-tifel ittieħdu l-Isptar San Luqa ftit wara mill-Pulizija.”
Rakkont ta’ wieħed mill-vittmi
Ir-rapport kompla li, “il-ġurnalisti ta’ dan il-ġurnal irnexxielhom ikellmu lil Francis Catania fl-Isptar San Luqa. Huwa kien irrakkonta hekk: ‘kien għall-ħabta ta’ nots il-lejl meta jien ibni Lino u tliet żgħażagħ oħra konna sejrin inwaħħlu l-posters Laburisti mal-ħitan ħdejn ir-Radio City il-Ħamrun. Jien kelli s-sellum fuq dahri filwaqt li l-oħrajn kellhom il-karti u l-kolla f’idejhom. F’salt wieħed waqfu erba’ karozzi viċin ħafna tagħna u minnhom ħarġu madwar 12-il ruħ. Huma ġrew għal fuqna u peress li jien kelli s-sellum fuq dahri ma stajtx nitlaq niġri kif għamlu dawk li kienu miegħi. Hekk kif ġew fuqi bdew ituni kif ġie ġie, bis-sieq u b’idejhom. Tefgħuni fl-art u komplejt naqla bis-sieq Naturalment huma kienu ħafna u jien ma sajt nagħmel xejn magħhom. Naf ukoll li bdejt inħoss id-demm ħiereġ minn wiċċi, idi, sieqi u sidri. F’ħin minnhom rajt lil ibni Lino ġej jiġri lejna u beda jagħmel minn kollox biex jilqa’ d-daqqiet huwa flok jien. Dak il-ħin jien ppruvajt inqum mill-art biex ngħin lit-tifel iżda minħabba d-daqqiet li kont qlajt ma kienx fadalli saħħa. It-tifel tiegħi kien diġ` bid-demm f’idu u f’wiċċu.
Sadanittant it-tliet żgħażagħ l-oħra li kienu magħna qabel il-ġlieda u li kienu ħarbu għax beżgħu bdew jgħajtu għall-ajjut ukoll u marru jiġru jirrappurtaw l-għassa tal-Ħamrun.
Wara li tawna din ix-xebgħa kbira l-irġiel rikbu fil-karozzi li kienu ġew biha u ħarbu. Ftit ħin wara ġiet karozza tal-Pulizija, ħadu lili u lit-tifel l-Isptar San Luqa’, temm jgħid Francis Catania.”