Thursday, February 27, 2025

Meta mietu erba’ persuni fil-Belt bi splużjoni ta’ gass li ħalliet ħerba

“Kienet qisha xena tal-gwerra”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Kien bħal lum is-27 ta’ Frar tas-sena 1986 meta l-ġurnali f’pajjiżna ħarġu jitkellmu u jirrappurtaw dwar traġedja li kienet seħħet fil-Belt. Traġedja li ħalliet ħerba fil-belt u erba’ persuni mejta. Traġedja li seħħet bi splużjoni ta’ gass.

Dakinhar L-ORIZZONT b’faċċata sħiħa iddedikata għal din it-traġedja b’titlu li ‘Erbgħa jmutu fi splużjoni’, kien qal li “”kienet qisha xena tal-gwerra. Bini mġarraf wara splużjoni kbira, nies tas-salvataġġ jaqilgħu l-vittmi minn taħt it-tifrik, vann maqlub u mfarrak bil-blast u tifrik kullimkien. Din kienet ix-xena fi Triq il-Merkanti wara splużjoni li sfrundat numru ta’ appartamenti u qatlet erbgħa minn nies waqt li ħalliet ukoll għadd ta’ nies midrubin”.

“Paul Borg wieħed mir-residenti tal-post milqut, li ħelisha ħafif bi żbrixx, imma diżgrazzjatament tilef lil oħtu u lil ħatnu, kien għadu taħt xokk qawwi meta kellem lil ‘l-orizzont’. Hu qal li kien fis-soddaa meta l-isplużjoni li seħħet għal xi 6.15 ta’ filgħodu, tajritu mis-dodda u ra l-madum nieżel għal fugu. Hu mar jiġri fil-bitħa u senna sakemm jirnexxielu joħroġ ‘lbarra.”

“Pawlu Borg qal li jiftakar fi żmien il-gwerra meta kellu tnax-il sena. Waħda mill-aħħar bombi li waqgħu fuq Malta ġet eżatt f’dawk l-inħawi ta’ Triq il-Merkanti u għamlet straġi simili. Il-post milqut numru 139, li fie numru ta’ appartamenti jinsab fuq ħanut ta’ l-ikel ‘take away’. Qed isiru investigazzjonijiet mill-esperti imqabbdin mill-Qorti bierx jinstab jekk l-isplużjoni ġiet ikkaġunata mi-ċilindri tal-gass li kien hemm fil-ħanut jew minħabba xi raġuniu oħra. Iċ-ċilindri tal-gass kienu għadhonm sħaħ għalkemm kienu imtajjrin mat-tarf l-ieħor tat-triq.

F’dan l-inċident traġiku mietu il-koppja Carmelo u Rose Axiaq, koppja anzjani li hu mifhum li r-raġel irtira mix-xogħol bl-età ftit xhur ilu. Rose Axiaq tiġi oħt Pawlul borg u Frankie Borg li jgħixu flimkien f’wieħed mill-appartamenti. Frankie Borg ħelisha imma sofra xokk kbir. Fl-istess bini kienu jgħixu Maria Grioli, xebba anzjana u oħtha Dolores Paris flimkien maż-żewġ uliedha u Marie Louise Paris. Iż-żewġ vittmi l-oħra barra l-koppja Axiaq kienu Maria Grioli u Marie Louise Paris.

L-isplużjoni li kkaġunat din it-traġedja kienet qawwija ferm. Mill-ħanut ta’ l-ikel ma’ fadal xejn. It-travu kbir tal-ħadid ta’ fuq il-bieb ittajjar għal mal-faċċata l-oħra tat-triq fejn hemm il-Knisja tal-Erwieħ li ġarrbet ħsarat kbar ukoll. Vann li kien ipparkjat quddiem il-knisja nqaleb fuq ġenb u ġarrab ħsara kbira.

Il-bini ta’ fuq il-ħanut ta’ l-ikel tar għal kollox u ma baqa’ xejn minnu. Ma’ ħajt li baqa’ wieqaf kien għad hemm imdendlin żewġ gwarniċi wieħed b’ritratt riċenti ta’ Carmelo Axiaq u l-ieħor bil-koppja Axiaq fi żmien iż-żwieġ tagħhom.

Żewġ ħwienet, wieħed tar-radjijiet u stereos u l-ieħor taż-żraben, li kienu fil-ġnub tat-‘take away’ inqerdu ukoll filwaqt li karozza privata pparkjata ftit ‘lfuq ukoll ġarrbet ħsarat. Il-ħġieġ tat-twieqi tad-djar fit-triq, anke f’distanza sostanzjali mill-post tal-inċident tfarrak, filwaqt li fi djar aktar qrib kien hemm diversi rapporti ta’ bibien u twieqi mifqugħin.

L-ewwel għajnuna f’din it-traġedja ingħatat mill-ġirien li ħarġu jiġru jaraw x’ġara. Ftit ħin biss wara waslu l-Pulizija u s-suldati u fittxew fit-tifrik għall-vittmi li ttieħdu l-isptar bl-ambulanza. Kmieni fuq il-post kien hemm il-Ministru tas-Saħħa Dr V. Moran. F’ħin minnhom wasal il-Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonniċi u kellem lill-familjari tal-vittmi u ta’ ordnijiet biex jinqdew il-ħtiġijiet ta’ dawk li sofrew minn din it-traġedja. Il-Ministru tax-Xogħlijiet, Lorry Sant ukoll kien fuq il-post biex imexxi l-ħidma ħalli jitnaddaf il-post. Saru żjarat ukoll mill-Ministru Philip Muscat u mill-Arċisqof Ġużeppi Merċieċa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport