Minn Cris Muscat
Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?
L-ixjenza u l-isport minn dejjem kienu għal qalbi u infatti n-namra tat-tnejn li huma flimkien wassluni biex għażilt il-professjoni li naħdem fiha: il-fiżjo-terapija. Inevitibbilment, xogħli jlaqqagħni kuljum ma’ atleti ta’ kull dixxiplina, primarjament tal-futbol, segwit mill-atletika, ċikliżmu u l-għawm fost diversi sport ieħor. Meta kont għadni iżgħar, il-futbol kien jiddomina kull sport ieħor u kont nipprattikah ta’ dilettant biss. Dan għaliex dakinhar il-mentalitá kienet li tiffoka fuq l-iskola, u l-isport jekk jibqa’ ħin biss. Minħabba f’din ir-raġuni, dejjem bqajt bid-dispjaċir li għalkemm inħobb l-isport, iċ-ċirkostanzi qatt ma ppermettewli li nipprattika xi sport regolarment. Kont ngħid meta nispiċċa skola u nibda naħdem, inkun nista’ nqassam ħini kif irrid jien u se nagħmel żgur li nagħmel dak li dejjem kont imċaħħad minnu. Peró, ġara bil-kontra għax spiċċajt b’ħafna klijenti ta’ kuljum u naħdem ħinijiet twal li ħin ma kontx insib. B’konsegwenza t’hekk, spiċċajt inattiv u żdidt ħafna fil-piż ukoll. Bdejt inħossni ironiku nagħti parir lill-atleti li nara fil-klinika kif ikunu attivi meta jien ma kontx, u li lill-atleta qed inkellmu minn aspett xjentifiku imma mill-asspett prattiku ma stajtx inpoġġi ruħi fiż-żarbun tiegħu. Dik kienet it-turning point li ġiegħlitni nieħu azzjoni akkost ta’ kollox, u fassalt programm ta’ taħriġ għalija nnifsi t’erba’ darbiet f’gimgha bl-iskop li nitlef il-piż u nħossni iktar b’saħħti. Parti mill-programm kien jinkludi l-ġiri u maż-żmien beda jogħġobni iktar u iktar. Barra minn hekk il-giri kien ideali għal xi ħadd impenjat bħali għaliex huwa sport li stajt nipprattikah waħdi mingħajr ma niftiehem ma’ ħadd fl-ebda ħin fiss. Bdejt inħossni tajjeb u rajtni qed nipprogressa aħjar milli qatt kont immaginajt u din l-informazzjoni bdejt intarrafha lill-klijenti tal-atletika tiegħi, li illum iktar insejħilhom ħbieb. Għamluli ħafna kuraġġ, għamilt l-ewwel tellieqa tiegħi li kienet in-Nadur 8K f’Diċembru tal-2018 u minn dakinhar qatt m’erġajt ħarist lura!
Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?
Bdejt nipprattika l-atletika pjuttost riċenti u ta’ etá relattivament kbira. Ilni sitt snin, bdejt ta’ 31 sena u llum għandi 36 sena. Illum il-ġurnata, jiddispjaċini li l-atletika ma skoprejthiex qabel!
X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?
L-isport minn dejjem kien jogħġobni l-iktar peress li jimmeraviljani l-fatt li bil-ħila li tisfida lilek innifsek mentalment kapaċi tiskopri l-potenzjal fiżiku tiegħek. Għal xi ħadd li ma tantx għandu ħin fuq idejh bħali, l-atletika huwa sport flessibli f’sens li tista’ tipprattikah individwalment mingħajr ma tiddependi fuq ħadd u x’ħin trid int mingħajr bżonn ta’ apparat. Sitt snin ilu, qatt ma bsart li kont se nibda nieħu l-atletika bis-serjetá jew li se nibda nipparteċipa fi tlielaq lokali regolarment u anke barra minn xtutna jew li nissieħeb ma’ xi klabb. Meta mmur niġri nillibera moħħi u ninsa d-dinja! Meta kelli bżonn niġri qabel bdejt l-atletika kont ngħid: “Uff se jkolli niġri!” … u illum ngħid: “Uff meta tiġi ġurnata li ma nistax immur nigri!”
Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?
Kienu atleti li kienu u għadhom klijenti tiegħi u llum iktar insejħilhom ħbieb. Kulħadd jafhom għax huma fost l-aqwa atleti li hawn f’Malta bħalissa, partikolarment Matthew Xuereb u David Borg li llum il-ġurnata huwa wkoll il- kowċ tiegħi. Tawni ħafna kuraġġ u motivazzjoni meta kont għadni qed niskopri n-namra lejn il-ġiri.
Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?
Għalkemm nipprattika pjuttost regolari ma nitħarriġx konsistentement jew nagħmel l-istess ammont ta’ taħriġ daqs l-atleti stabbiliti u rinomati li jiksbu unuri regolarment. Għaldaqstant, għalkemm niddedika ammont ta’ sigħat fil-ġimgħa f’taħriġ, il-ġiri għalija narah iktar bħala delizzju milli karriera u m’għandix unuri partikolari f’dan l-isport. Għalkemm dejjem nixtieq li ntejjeb il-prestazzjonijiet tiegħi, ninsab kuntent ħafna li fi żmien relattivament qasir wasalt fejn wasalt s’issa li jinkludi age category trophies u podiums fi tlietaq iżgħar u forsi nqas kompetittivi. Kulma jmur il-livell tal-atletika f’Malta dejjem qed jitjieb u dan jagħmilha iktar diffiċli li tikklassifika mal-aqwa atleti. Peró, biex inkun onest, għalkemm it-trofej mirbuħa huma rikonixximenti sbieħ mhumiex prijoritá għalija. L-ikbar sodisfazzjon għalija huwa li ntejjeb il-ħinijiet tiegħi nnifsi fuq rotot u distanzi differenti u jekk dan iseħħ awtomatikament inkun qed nikklassifika fost atleti iktar kompetittivi.
Liema kienu l-aħjar riżultati tiegħek sa issa?
Jekk ikolli nsemmi prestazzjoni li vera tinsab għal qalbi hija l-London Asics 10k f’Lulju tal-2022 fejn ikklassifikajt fit-92 pożizzjoni minn madwar 10,000 atleta b’ħin ta’ 36:44. Fil-5km, l-aħjar ħin tiegħi huwa ta’ 17:27 u fin-Nofs Maratona huwa ta’ 1:21:13.
Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?
Nemmen li f’Malta il-futbol għadu wisq dominanti, għalkemm nemmen li bil-mod qed tingħata iktar importanza lil dixxiplini oħrajn bħall-atletika li kulma jmur dejjem qed jikber fin-numru ta’ atleti u fil-livelli ta’ prestazzjonijiet. Nittama li fil-futur, sports hekk imsejħa żgħar bħall-atletika jingħatalhom l-attenzjoni mistħoqqa speċjalment fejn tidħol għajnuna finanzjarja u infrastruttura, partikolarment f’Għawdex. Nixtieq li nuża din l-opportunitá biex nistqarr li Għawdex ilu għal diversi snin jipproduċi atleti ta’ livell konsistentement għoli fuq livell lokali. Dan minkejja li m’hemm l-ebda facilitá infrastrutturali adekwata fejn jistgħu jitħarrgu. Hija ħasra u ħolma komuni ta’ kull atleta Għawdxi bħali li jkollna l-ewwel trakka tal-ġiri fi gżiritna!
Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?
Ix-xewqa tiegħi onestament hi dik li dejjem intejjeb il-ħinijiet tiegħi personali fuq il-5, 10 u 21 kilometru, filwaqt li ngħin lill-klabb tiegħi, il-Gozo Atletix jakkwista l-ogħla riżultati possibli. Barra minn hekk, nixtieq li jkolli iktar opportunitajiet li nipparteċipa f’aktar tlielaq rinomati barra minn Malta. S’issa pparteċipajt darbtejn u l-esperjenza kienet waħda indeskrivibbli!
X’sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattikka?
Nemmen li d-differenza ta’ bejn atleta li konsistentement jikklassifika tajjeb u dak dilettant, hija fid-dedikazzjoni u s-sagrifiċċji li jagħmel biex jieħu l-isport bis-serjetá. Atleta dedikat jeħtieġ ħafna ħin ta’ prattika u jekk ma tipprattikax anke għal ftit ġranet, fiżikament tmur lura malajr. Barra minn hekk, biex tieħu dan l-isport bis-serjetá, jeħtieg li l-atleta joqgħod attent għall-porzjonijiet u l- kwalitá tal-ikel u l-alkoħol li jikkonsma. Meta tikkunsidra li l-maġġoranza tal-kompetizzjonijiet isiru l-Ħadd kmieni filgħodu, dan ifisser li attivititajiet ta’ nhar ta’ Sibt filgħaxija ikliet bħal ikliet f’ristoranti, tiġijiet u avvenimenti oħra jinvolvi rabta u sagrifiċċju liema bħalhom.
Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.
Kif irrimarkajt qabel, għalija s-sabiħ tal-atletika huwa li tista’ tikkompteti biex ittejjeb lilek innifsek u l-prestazzjonijiet tiegħek independentement minn x’jagħmel ħaddieħor. Ma nistax ngħid li meta atleti oħra jiksbu riżultati aħjar ma jkunx t’ispirazzjoni jew li ma jkunx mira li tkun tixtieq tilħaq. Peró, jekk jirnexxieli ntejjeb il-ħinijiet personali tiegħi, tkun awtomatikament qed ittejjeb ir-ranking jew il-pożizzjoni li tkun ikklassifikajt fiha.
X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?
Kemm ilni li sirt missier sentejn u nofs ilu, peress li rrid naqsam lejn Malta għall- maġġoranza tal-kompetizzjonijiet ma tantx nista’ nikkommetti ruħi bħalma kont nagħmel qabel. Peró, nipprova kemm nista’ biex inkun dispost għat-tlielaq tar-road running league f’isem il-klabb tiegħi AC Gozo Atletix. Applikajt għat-10km tal-Gozo Half Marathon fl-aħħar ta’ dan ix-xahar fix-Xagħra, Għawdex, u fil-5km fil-bidu ta’ Mejju organizzata mill-Mellieħa AC. Nittama li nkun f’forma tajba biex intejjeb ir-riżultat li ksibt fl-edizzjonijiet ta’ qabel.
Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.
Sa ftit snin ilu biss l-atletika kont naraha bħala xi ħaġa ‘far fetched’, nammira lil min jipprattikaha imma kont ngħid li hi impossibli għalija. Illum jiddispjaċini mmens li ma bdejtx nipprattikaha qabel. L-atletika huwa sport li ma jiswiex flus, jagħtik sodisfazzjon kbir u jgħinek iżżomm b’saħħtek fiżikament u mentalment, irrilevanti minn kemm għandek etá, intix raġel jew mara u kemm int lest li tikkommetti ruħek!