Dwar it-Teatru Rjal smajna ħafna matul is-snin. Kienu nħarġu diversi rapporti dwar għajnuniet biex dak teatru jerġa’ jinbena. Kulħadd jaf li dawn baqgħu qatt ma immaterjalizzaw. Għadda żmien u t-teatru dejjem baqa’ imwaqqa’. Kull pjan tħalla fuq l-ixkaffa. Wieħed minn dawn il-pjani kien jgħid li l-Italja u l-Ġermanja kellhom jgħinu fil-bini tat-Teatru Rjal. Rapport dwar pjani simili kien inħareġ proprju f’L-ORIZZONT ta’ 60 sena ilu.
Ir-rapport kien jgħid li “l-Gvern Taljan u l-Gvern Ġermaniż qablu li jiffinanzjaw il-bini mill-ġdid tat-Teatru Rjal fuq il-proġett ippreżentat mill-arkitett Taljan, Dr Ing Marcello Zavelani Rossi.”
Kien intqal li “l-Gvern Malti ipprova ħafna biex iġiegħel lill-Gvern Ingliż jgħin fin-nefqa meħtieġa għall-proġett, iżda hu mifhum li l-Gvern Ingliż ikun lest li jagħtu l-għajnuna tiegħu jekk kemm il-darba l-Gvern Malti jadotta l-proġett ta’ l-Arkitett Ingliż Richard S Nickson.”
Kien intqal li “l-Gvern Malti h mifhum li qed jgħid li kien hemm Konkors Internazzjonali li fih intgħażel il-proġett ta’ Zavelani Rossi u mhux bi ħsiebu jirtira minn dik id-deċiżjoni. Il-Gvern Ingliż ma riedx iċedi u għalhekk il-Gvern Malti avviċina lill-Gvern Taljan u lill-Gvern Ġermaniż permezz ta’ l-ambaxxati tagħhom f’Malta. Iż-żewġ gvernijiet qablu li jagħmlu għotja biex jinbena t-Teatru Real fuq il-proġett ta’ Zavelani – Rossi.”
Il-Gvern Malti kien ipprova jibda
Ir-rapport kien qal ukoll li “wieħed għandu jgħid li dan it-teatru li kien ġie meqrud fil-gwerra suppost kien hemm l-flus tal-War Damage għalih. Iżda ġara li dawn il-flus ġew eżawriti u ma kienx baqa’ għat-teatru. Il-Gvern Malti baqa’ jsostni li l-flus għall-bini tat-teatru għandha toħroġhom l-Ingilterra. Ftit wara l-elezzjoni tal-1962, il-Gvern preżenti, kien ipprovda għall-vot ta’ £50,000 biem jinbeda l-bini tat-Teatru Real, iżda l-Gvern Ingliż ma kienx approva dan il-vot u allura x-xogħol ma bediex. It-Teatru Real kien ġie meqrud mill-ajruplani Ġermaniżi fis-7 ta’ April tas-sena 1942, f’attakk mill-ajru li dam sejjer bosta siegħat. Wara għaxar snin, fl-1953 twaqqaf Kumitat biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar il-bini tat-Teatru. Wara studju bir-reqqa kien ġie deċiż li jinbena mill-ġdid u f’konkors miftuħ għal arkitetti internazzonali kien intgħażel il-proġett ta’ l-arkitett Taljani Zavelani Rossi”.