Sunday, November 24, 2024

Meta ninsew ir-realtà ġdida… Covid-19

Aqra wkoll

Minn Benny Borg Bonello

Il-virus tal-Covid-19 għadu jiġri fostna.  Konna nafu li mhux ser imur mil-lum għal għada.  Waqt l-ewwel mewġa batejna lkoll.  Waqt li konna fl-ewwel mewġa ħadna miżuri drastiċi u l-maġġoranza kbira tan-nies osservaw id-direttivi li kellna.  Waħda mill-affarijiet pożittivi li kien hemm kienet li f’dawk il-ġranet kulħadd irrealizza li din il-pandemija ħolqot realtà ġdida.  Bdejna naraw kif nistgħu  mmorru għal din ir-realtà ġdida. 

Kull settur beda jara kif nistgħu mmorru lura għan-normalita’ – mhux in-normalita’ antika imma waħda ġdida fejn inkunu nistgħu nissodisfaw il-bżonnijiet tagħna sew bħala bnedmin u sew min-naħa ekonomika b’modi ġodda. 

Kull settur beda jara kif idawwar il-problema tal-pandemija f’opportunita’.  Bdejna bil-mod il-mod nersqu lejn realtà ġdida filwaqt li konna qed nikkontrollaw din il-pandemija milli tkompli tinxtered. 

L-opportunitajiet rajnihom u bdejna nattwawhom.  Tgħallimna nużaw mezzi ġodda biex inżommu kuntatt soċjali.  Ersaqna lejn ir-realtà virtwali fejn mhux talli rajna żieda f’din ir-realtà, iżda wassalniha wkoll għand setturi ġodda tas-soċjeta’ li qabel  il-pandemija ftit kellhom ħajra li jersqu lejn din ir-realtà.  Hawn rajna lix-xjuħ tagħna li bdew jidraw jikkomunikaw sew mal-familja u sew ma sħabhom permezz tal-mobile tagħhom.

Fl-edukazzjoni ħadna l-ewwel passi lejn direzzjoni ġdida.  Ma kienux passi ta’ ġgant li għamilna għax konna sempliċiment dawwarna d-direzzjoni u kien għad fadlilna x’naqdfu biex il-mezzi ‘l ġodda jkunu effettivi ħafna.  Imma l-ewwel passi kienu l-aktar iebsa għaliex mhux biss is-sistema kienet taħdem iżda d-‘distance learning’ ma kienx jagħmel sens f’pajjiż żgħir bħal tagħna.  Imma b’kuraġġ u diterminazzjoni ersaqna lejn direzzjoni ġdida li jekk niżviluppawha sew għandha tkun aktar effettiva minn dik tal-passat. 

Dawn il-passi ‘l quddiem rajnihom f’setturi oħra. 

Bil-mod il-mod ersaqna lejn ir-realtà ġdida u rajna r-iżultati.  Mhux talli ersaqna lejn normalita’ iżda rnexxielna nnaqqsu t-tixrid ta’ dan il-virus ġdid li ma konna nafu xejn dwaru. 

Irnexxielna, mhux għax sibna xi vaċċin kontra dan il-virus, imma għax tgħallimna li nistgħu nikkontrollaw it-tixrid b’modi ġodda.  L-aktar affarijiet li ħarġu kienu li nżommu distanza adekwata meta nkunu ma nies oħra u li f’ċirkostanzi fejn din id-distanza ma tantx nistgħu inżommuha nilbsu l-maskri.  Tgħallimna wkoll li ċerti drawwiet naqtgħuhom – bħal li tieħu idejn xi ħadd.  Sibna metodi ġodda biex nissodisfaw il-bżonn li l-bniedem għandu li biex juri apprezzament lejn bniedem ieħor irridu mmissuh.  Dan għamilnieh għax minflok bqajna nużaw l-idejn bdejna nużaw il-minkeb. 

Din il-bidla nfirxet ħafna għalkemm dejjem kellek nies, inklużi kbarat, li qatt ma resqu lejn dawn l-affarijiet u baqgħu jużaw metodi qodma.

Imma rnexxielna nniżżlu n-numri. 

Li ġara kien li kif irnexxielna nniżżlu n-numri, ħafna min-nies abbandunaw kollox u erġajna morna għar-realtà l-antika minkejja li din hi perikoluża fir-realtà ta’ pandemija. 

Issa kif in-numri qed jisplodu ‘l fuq erġajna bdejna nħossu ix-xokk u nirrealizzaw li l-virus għadu fostna. 

Hemm min jaħseb li hemm bżonn nerġgħu lura għal-lockdown bħalma konna.  Ma nemminx li għandna bżonn nerġgħu mmorru dik id-direzzjoni.  Ir-raġuni hi sempliċi.  Illum nafu li jekk inżommu u nipprattikaw dawk id-drawwiet ġodda li tgħallimna, nistgħu ngħixu f’normalita’ ġdida li tkun sew mingħajr periklu u tkun ekonomikament vijabbli.

Nisperaw li l-miżuri li tħabbru l-bieraħ jerġgħu iqajmuna għar-realtà l-ġdida għax mingħajra ma nkampawx.  Hu għalhekk importanti li l-multi li tħabbru jitħaddmu mal-ewwel u ma jinħafrux.

Problema oħra

Iż-żieda fin-numri qalgħu problema oħra – dik tal-immigranti.  Ir-raġuni hi li peress li kien hemm minnhom li kellhom dan il-virus in-numri tagħna żdiedu. 

Hemm min ħa din l-opportunita’ biex jerġa’ jqajjem mewġa ta’ razziżmu.  L-argument li qed jitmexxa hu li huma dawn l-immigranti li reġgħu ġabuna f’din is-sitwazzjoni.  Insew li dawn l-emigranti jiġu isolati mal-ewwel u għalhekk mhux il-kaġun ta’ din il-mewġa ġdida tal-COVID-19.

Min jemmen li kien it-tort tal-immigranti jkun qed jiċħad ir-realtà. Il-virus għadu fostna u, anki li kieku ma kienx hemm emigranti, in-numri tagħna reġgħu telgħu ‘l fuq mhux ħażin.  Dan sar bl-imġiba tagħna.  Minflok rajna kif nidraw u nkomplu niżviluppaw ir-realtà ġdida b’tali mod li filwaqt li tibqa’ mingħajr periklu għat-tixrid, tkun aktar kompatibbli magħna bħala bnedmin, erġajna morna għar-realtà antika – realtà li diġa’ wrietna li mhix kapaċi li tirreżisti dan il-virus.

Hu għalhekk li min qed iwaħħal fl-emigranti qed jieħu l-okkażjoni biex imexxi r-razziżmu li jemmen fih.  Fil-fatt lili qaluli li qed timxi l-kelma biex jinġabru l-firem biex isir referendum biex ma ndaħħlux l-emigranti bħal ma tagħmel l-Awstralja. 

Dawn mhux qed jirrealizzaw li lanqas  jekk irridu dawn l-emigranti ma nistgħux inżommuhom barra  minħabba li hemm liġijiet internazzjonali.  Insemmu l-Awstralja.  L-Awstralja tista’ tagħmilha mimħabba li hi għandha gżira fejn tista’ titfagħhom mingħajr ma jmissu mal-Awstralja.

Semmejt l-Awstralja, għaliex hemm minn jipproġetta dan il-pajjiż li qed jurina t-triq li għandna naqbdu biex insolvu din il-problema.  L-Awstralja, speċjalment il-mexxejja tiegħu, hu pajjiż razzista daqs l-Amerka.  Id-differenza hi li fl-Awstralja, l-Ingliżi dejjem qagħdu attenti lil min idaħħlu l-Awstralja anki l-emigranti regolari.  Minħabba dan, ma hemmx minoranzi kbar u r-razziżmu ma jidhirx bħal ma jidher fl-Amerka. 

Dan ifisser li f’din is-sitwazzzjoni ma nagħmlu xejn?   Nemmen li rridu nkomplu naraw kif nirranġaw mal-Libja biex tieħu r-responsabbilta’ li ssalva dawn l-emigranti qabel ma joħorġu wisq il-barra mix-xtajta Libjana u jpoġġu ruħhom fil-periklu.  Biss dan mhux biżżejjed u rridu nagħmlu pressjoni fuq l-Ewropa biex il-pajjiżi Ewropej  li dejjem jitkellmu fuq is-solidarjeta’, jibdew jipprattikawha anki fuq l-emigrazzjoni.

S’issa dejjem konna prudenti u għalhekk ma tantx wasalna.  Ċipru beda jurina t-triq.  Bħalissa Ċipru qed ipoġġi dubji serji jekk japprovax it-trattat kummerċjali li qed tagħmel l-Ewropa mal-Kanada.  Qed iġibu ħafna skużi.  Dan qed jagħmluh għaliex l-Ewropa kienet wegħdet li ser taħdem biex terġa’ tara Ċipru pajjiż wieħed.  Mhux talli ma għamlet xejn iżda lanqas issa mhi qed tagħmel xejn, ħlief paroli, biex twaqqaf lit-Turkija tfittex iż-żejt fl-ibħra ta’ Ċipru. 

Din il-problema m’aħniex ser insolvuha sakemm ma nagħmlux pressjoni fuq l-Ewropa biex tiċċaqlaq u tibda tgħina billi tigarantixxi li kull pajjiż irid iġorr sehemu.    

Sport