Bħal-lum 19 ta’ Awwissu tas-sena 1953, il-Prim Ministru Mohammad Mosaddegh tal-Iran tneħħa mill-poter b’kolp ta’ stat. Dan il-kolp ta’ stat kien organizzat mis-CIA. Il-gvern ta’ Mossadegh kien għamel għadd ta’ riformi kbar fil-pajjiż fosthom daħħal benefiċċji għall-qgħad, kumpens għal ħaddieħor li jweġġgħu u l-abolizzjoni ta’ xogħol sfurzat fil-kampanja. Huwa kien qed jippjana li jinnazzjonalizza l-bjar taż-żejt li kien f’idejn l-Ingliżi. Dan kien se jagħmlu biex ikun jista’ jiffinanzja proġett residenzjali f’żoni rurali fost oħrajn. Minħabba dan, l-aġenzija ta’ intelliġenza M16 u s-CIA ħadmu biex itajruh.
Bdiet kampanja ta’ rewwixti u vjolenza f’Tehran. Mossadegh kien ordna biex mexxajj ta’ partiti politiċi ma jingħaqdux ma’ dawk li kienu qegħdin jipprotestaw u huwa bagħat lill-Pulizija biex jirristabbilixxi l-ordni. Iżda, ma rrealizzax li ħafna mill-kmandanti tal-units kienu mħallsin u li jappoġġjaw lill-Istati Uniti.
Il-partit xellugi Tudeh offra li jgħin lil Mossadegh jekk dan jagħtihom l-armi iżda huwa ma aċċettax. Finalment il-vjolenza waslet sad-dar ta’ Mossadegh. Il-gwardji tiegħu nqatlu. Id-dar tiegħu ġiet ibbumbardjata u folla ta’ nies tatha n-nar. Mossadegh u dawk li kienu qegħdin jiddefenduh irnexxielhom jaħarbu.