Bħal-lum 13 ta’ Awwissu tas-sena 1937, ħaddiema li kienu qegħdin jistrajkjaw fl-Union Flacq Sugar Estate fil-Mauritius kienu massakrati. Ħafna minnhom kienu jaħdmu fl-għelieqi taz-zokkor, fi żmien meta l-pajjiż kien kolonja tar-Renju Unit. Il-ħaddiema bdew jorganizzaw lilhom infushom biex itejbu l-pagi. Waqt li kien qed isir dan il-Pulizija bdew jintużaw biex jintimidaw lill-istess ħaddiema u jitkissru l-azzjonijiet industrijali.
Il-ħaddiema ma kienux kuntenti bil-pagi, bir-razzjoni fqir ta’ ikel li kienu jingħataw u bit-trattament inadekwat fl-isptar. Ħarġu fuq strajk fit-13 ta’ Awwissu u kif sar dan kienu attakkati b’mod vjolenti mill-Pulizija. Inqatlu erba’ ħaddiema u sitt oħra kienu feruti.
Il-ħaddiema irritaljaw għal dan billi taw in-nar lill-għelieqi taz-zokkor u għal ġimagħtejn sħaħ kien hemm protesti kbar. Wara investigazzjoni tal-inċidenti minn Kummissjoni, il-gvern kolonjali ġab l-unions legali u twaqqaf qafas għan-negozjar kollettiv bejn il-ħaddiema u s-sidien.