Sunday, December 22, 2024

META SE JINQATGĦU DAWN IT-TALLABA?

Aqra wkoll

Wasalna fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali. Kampanja elettorali li kienet differenti mis-soltu u dan kemm minħabba l-Covid19 u anke minħabba il-gwerra fl-Ukrajna. Din kienet kampanja karatterizzata minn sezzjoni ta’ persuni li min għal ħaġa u min għal oħra, qed jispiċċaw jheddu bil-vot. Qed jheddu bil-vot kemm lil naħa u kemm lil oħra. Stejjer jinstemgħu diversi ta’ kif hemm min qed jieħu l-opportunità u jhedded bil-vot. Tisma’ min jhedded għax irid xi  transfer, ieħor irid xi xogħol aktar komdu, b’inqas tbatija.  Saħansitra hemm min qed jhedded li ma jivvutax għax ma tawx transfer lil xi uffiċjal fil-post tax-xogħol u b’hekk kien jeħles minnu. Imbagħad tisma’ oħrajn jheddu minħabba kwistjonijiet marbutin ma’ permessi ta’ żvilupp. Oħrajn jheddu għax riedu parkeġġ riservat, oħrajn minħabba bozza fit-triq, xi bankina jew għax it-triq fejn joqgħod għadha ma saritx ‘one way’. Dan fost ħafna każijiet oħra.

Sfortunatament f’dan il-pajjiż għandna sitwazzjoni tat-tallaba fil-politika. Tallaba diversi. Hemm politiċi li  jitkarrbulek għall-vot, u mbagħad hemm ukoll kostitwenti li jitolbu l-pjaċiri u jżeffnu l-vot fin-nofs jew aħjar jheddu bil-vot. 

Ma nistgħux ma nistaqsux kemm se ndumu f’din is-sitwazzjoni? Forsi wieħed kien qed jaħseb li maż-żmien dan il-fenomenu ta’ tkarrib u theddid kien se jgħib. Min ħaseb hekk kien żbaljat għax f’din il-kampanja kien u hu evidenti it-theddid minn sezzjoni ta’ votanti, li jidher li hu akbar mis-soltu.

Hi sfortuna li hawn kostitwenti li ftit li xejn ikun jinteressahom x’sar mill-amministrazzjoni governattiva (kemm naħa u kemm oħra) u minflok ikun jinteressahom biss minn xi interess partikolari li jolqot lihom biss. 

Waqt li wieħed jifhem il-karbiet ta’ dawn in-nies, u nifhmu wkoll li hemm ilmenti li huma ġustifikati, wieħed irid iżomm f’moħħu li fil-politika ma tridx tħares lejn dak li jolqot lilek biss. Nemmnu li trid tħares lejn il-ġid komuni. Nemmnu li wieħed irid jitfa’ kollox fil-miżien. X’sar tajjeb? X’sar ħażin? Fejn ma sar xejn? Fuq kollox trid issir il-mistoqsija, jekk illum intix tgħix aħjar u ħajja ta’ kwalità aħjar mis-snin ta’ qabel.

Irridu ngħidu ukoll li hemm min għandu ilmenti ġustifikati u l-politiku għandu jagħti każ dawn l-ilmenti ġustifikati.

Nemmnu vermament li din il-kultura ta’ tallaba għall-voti għandha tinqata’. Nemmnu li l-pajjiż jista’ jimxi ferm u ferm aħjar jekk tinqata’ din il-kultura. Fuq kollox sezzjoni tal-poplu tagħna għandha tikber, u tifhem li f’ħafna każi b’mod partikolari f’każi mhux ġenwini, it-theddida għall-vot ma jwassal imkien.

F’din il-kampanja elettorali smajna fuq li smajna bi proposti ġodda miż-żewġ partiti ewlenin. Smajna fuq inċentivi li se jingħataw u x’qed jippjanaw għax-xhur u snin li ġejjin.

Nemmnu li lil hinn mit-theddid ta’ ċertu sezzjonijiet, l-elettorat għandu jagħmel id-domanda sempliċi qabel jitfa’ l-vot tiegħu. F’dawn l-aħħar ħames snin, il-ħajja tiegħi tjiebet? It-taxxi żdiedu? Il-kwalità tal-ħajja kompliet tiżdied? Kif l-għixien ta’ llum tipparagunah mas-snin ta’ qabel? Fil-pandemija kif mar pajjiżna, meta tqabblu ma’ pajjiżi oħra? L-ekonomija ta’ pajjiżna kif inhi sejra? Dawn huma domandi li m’għandniex dubju li intom għandkom tweġiba għalihom bla tlaqliq. Tweġiba li waħedha turikom fejn għandu jmur il-vot.

Ekonomija

Sport