Ninsabu proprju tmint ijiem bogħod mir-raba’ anniversarju mindu r-Russja bdiet l-invażjoni tal-Ukrajna, invażjoni li wasslet għal kunflitt bejn iż-żewġ pajjiżi. Kunflitt li wassal biex għall-ewwel darba mit-twaqqif tal-Unjoni Ewropea rajna lill-istess Unjoni ddur mar-regoli tagħha stess u dan biex issostni lill-armata Ukrena biex tirreżisti lill-forzi Russi. Hu fatt li t-trattat ta’ l-Unjoni Ewropea jipprojbixxi li fondi Ewropej jiffinanzjaw azzjonijiet militari u dan għall-fatt li l-Unjoni Ewropeja ġiet imwaqqfa biex tistabbilixxi l-paċi.
Ġara iżda li l-Unjoni Ewropa rat kif daret ma’ dan biex ġabret biljuni ta’ Ewro mill-fond tal-European Peace Facility sabiex b’hekk setgħet isostni l-armata Ukrena. Dan seħħ biex l-Ukrajna tirreżisti lill-Qawwiet Russi. Ma’ dan, il-pajjiżi Ewropej ħarġu bejniethom biljuni ta’ Ewro biex iżommu lill-Ukrajna fil-wiċċ. L-Unjoni Ewropea imponiet sanzjonijiet kontra ir-Russja għalkemm llum hu fatt li l-konsegwenzi negattivi ta’ dawn l-istess sanzjonijiet laqtu u affettwaw anke liċ-ċittadini Ewropej.
Illum aktar minn qatt qabel qiegħed dejjem joħroġ aktar ċar kemm dan il-kunflitt bejn l-Ukrajna u Russja hu kunflitt li mhux sostenibbli. Aktar mhu jgħaddi żmien dan aktar qiegħed joħroġ ċar. Rajna l-Istati Uniti tnaqqas drastikament l-għajnuna lill-Ukrajna. Fl-Ewropa qegħdin iqumu argumenti dwar kemm tiflaħ l-Unjoni Ewropea tkompli tippompja finanzi biex l-Ukrajna tirreżisti. Qegħdin naraw sitwazzjoni fl-Ewropa fejn waqt li għadd ta’ pajjiżi qegħdin idaħħlu miżuri ta’ awsterità u jaqtgħu mill-ispiża, l-istess pajjiżi u l-Unjoni Ewropea qegħdin ikomplu jgħinu lill-Ukrajna militarment.
Illum lejliet dan l-anniversarju, joħroġ aktar biċ-ċar kemm kienet żbaljat l-politika tal-Unjoni Ewropea fejn jirrigwarda dan il-kunflitt. Flok użat id-diplomazija biex tressaq il-partijiet lejn xulxin, spiċċat tgħin naħa kontra oħra. Infakkru li l-President Von Der Layen minflok ma għażlet l-għodda tad-diplomazija sabiex tissolva l-kriżi fl-Ukrajna għażlet konfrontazzjoni indiretta fejn l-istess Ukrajna spiċċat il-kamp tal-battalja bejn ir-Russja u l-pajjiżi msieħba tal-Punent bl-Unjoni Ewropea minn ta’ quddiem f’din il-konforntazzjoni. Dan l-aġir bejn dawn iż-żewġ fazzjonijiet jiġifieri l-Punent u r-Russa bil-mod il-mod beda jaqsam id-dinja fi tnejn. Għandek il-pajjiżi tal-Punent u pajjiżi li jissimpatizzaw mal-punent fuq naħa u pajjiżi oħra li ma jaqblux ma’ l-atteġġjament tal-punent u qegħdin jassoċċjaw ruħhom ma’ grupp ta’ pajjiżi oħra fosthom il-pajjizi msieħba fil-BRICS li r-Russja, iċ-Ċina, Brażil u Indja huma l-pajjiżi fundaturi u ma’ dawn qegħdin dejjem jiżdiedu pajjiżi oħra.
Illum erba’ snin mindu bdiet din l-invażjoni u minkejja l-biljuni minfuqa fuq l-armamenti biex jgħinu lill-Ukrajna tirreżisti, ir-Russja għadha qiegħda tokkupa madwar 20 fil-mija tal-Ukrajna. Mindu beda l-kunflitt, l-Ukajna irċeviet madwar $407 biljun f’għajnuna li $118 biljun ingħataw mill-Istati Uniti.
Hemm ukoll l-aspett uman ta’ dan il-kunflitt fejn hu kkalkulat li 40,000 persuna ċivili tilfu ħajjithom, waqt li 3.7 miljun persuna kellhom iħallu djarhom biex imorru għal postijiet aktar siguri. Kważi 7 miljuni kellhom jitilqu mill-Ukrajna.
M’hemm ebda dubju li l-unika soluzzjoni għall-gwerra hi l-paċi u l-ebda għajnuna f’armamenti u suldati ma ġġib il-paċi. Wieħed jista’ jifhem li aktar ma’ kunflitt jitwal aktar se jkollok vittmi. Aktar ma tonfoq flus f’armi aktar se ttawwal il-gwerra. Aktar se jmutu nies innnoċenti.
Minn l-aħbarijiet li joħorġu kemm fuq naħa u kemm fuq oħra wieħed faċli jikkonkludi li f’din il-gwerra bħal ma jiġri dejjem, hemm biss telliefa. Qiegħed jirbaħ biss settur wieħed – il-kumpaniji li jimmanifatturaw l-armamenti.
Quddiem dan, jispikka l-fatt li hu dgħajjef ħafna l-isforz biex tirrenja l-paċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Sforz dgħajjef li jurik li m’hemmx rieda ġenwina biex il-kunflitt jintemm. Minkejja l-ħafna kliem u dikjarazzjonijiet li intqalu, tinħass li m’hemmx rieda ġenwina biex tirrenja l-paċi. Tinħass is-saħħa tal-kumpaniji tal-armamenti li qegħdin jagħmlu minn kollox biex titkompla l-għajnuna militari lill-istess Ukrajna.
Il-mistoqsija li toħroġ hi kemm se jdumu jiġu ppumpjati flus fl-Ukrajna biex tirreżisti? Kemm nifilħu ntawlu dan il-kunflitt?

