Saturday, December 21, 2024

“Meta se nieħu saħħti lura? Wasal iż-żmien li ningħataw aktar informazzjoni fuq dak li qed insofru”

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

 “Kont infettata bil-Covid daqs erba’ ilu.  Lanqas naf kif ħadtha, għax  kont qed noqgħod ħafna attenta.  Kont inbati minn temperatura għolja, sogħla u telf ta’ togħma. Għamilt il-kwarantina u wara ftit aktar minn ġimagħtejn ġejt dikjarata ħielsa mill-Covid19. It-testijiet hekk juru imma jien inħoss li saħħti qatt ma ġiet kif kienet qabel Settembu. Jien persuna li nimxi ta’ kuljum u nagħmel l-eżerċizzji. Illum m’għandix il-kapaċità li nagħmel dak li kont nagħmel qabel. Ilni mindu ġejt dikjarata ħielsa mill-Covid19 inbati minn għejja, nuqqas ta’ nifs u uġiegħ fil-ġogi. It-togħma ukoll baqgħet ma ġietx fejn kienet”.

Dan iddikjaratu ma’ Inewsmalta omm li tkellmet fid-dettal dwar il-fatt li minkejja li fieqet mill-Covid19 għadha tbati minn ċerti sintomi.  “Fittixt pariri mediċi imma it-tobba qed jgħiduli li għalissa ftit li xejn hemm informazzjoni dwar dawn is-sintomi li feġġew wara.  It-tabib tiegħi għalkemm tkellimt miegħu ma’ ordnali ebda mediċini, ħlief xi vitamini. Ħadthom imma ma rajtx titjib. Ħadt ukoll iż-zinc imma anki hawn ma rajtx bidla fis-sintomi”.

L-omm tenniet li “jien u oħrajn bħali, għax bħali hawn ħafna oħrajn b’sintomi differenti bħal  uġiegħ ta’ ras, uġiegħ fil-muskoli, nuqqas ta’ aptit, sogħla, uġiegħ fis-sider u ħmura fl-għajnejn fost oħrajn, nixtiequ li ningħataw aktar informazzjoni. Kif se nitrattaw dawn is-sintomi? F’moħħi għandi ħafna ħsibijiet li risposta għalihom m’għandix. Dawn is-sintomi kemm se jdumu? Saħħti se neħodha lura? Xi ħadd irid jispjegalna. Nifhem li bħalissa għadna qed nikkumbattu dan il-virus, imma din li qed inbatu minnha aħna hi problema ukoll”.

L-omm tkompli tgħidilna li “tkellimt ma’ qraba tiegħi fir-Renju Unit. Hemmhekk diġa qegħdin iwaqqfu kliniċi apposta biex persuni li fiequ imma qed ibatu minn xi sintomi jingħataw l-informazzjoni u l-kura. Jien din li nmur nimxi u ma nagħmilx is-siegħa u kwart mixi, għax wara 20 minuta naqta nifsi tinkwetani.  Tajt ċans diversi ġimgħat imma is-sitwazzjoni ma tjibitx. Nappella l-awtoritajiet jagħtu kas il-karba tagħna”.

Ikun hemm ġranet fejn l-aptit jonqos ħafna u ma nkunx niflaħ inqums mis-sodda

L-istess omm qaltilna li “ikun hemm każi, dawn mhux kontinwi imma kultant fejn l-aptit jonqos ħafna. L-uġiegħ ta’ ras li taqbadni tkun qawwija ħafna. Ma nkunx niflaħ inqum mis-sodda.” 

Tgħidilna li “ikun hemm mumenti oħra fejn ngħid lit-tfal jew lir-raġel biex imur jixtri. Dan għax inħossni għajjiena tant li ma  nkunx nista’ nqandel ix-xirja. Mort għand diversi tobba. L-ewwel li ma mort għand it-tabib tal-familja tagħna.  Jgħiduli li qed inbati minn dak li jsejħulu ‘post viral fatigue’.  Kelli każi fejn anke it-taħbit tal-qalb kien pjutttost mgħaġġel. Li jinkwetani li imbagħad jgħiduli li fuq dan il-virus ftit li xejn għad hemm informazzjoni u jgħiduli li aħjar ma jagħtux mediċini. Ma nafx kemm ħadt vitamini. Kollu għalxejn”.

“Qed inħoss li ħadd mhu jifhimni”

‘Jiddispjaċini ngħid imma ħafna drabi nħoss li ħadd mhu jifhimni. La i-raġel, la it-tfal u lanqas tal-familja. Kultant minn kliemhom naħseb li huma jaħsbu li qed nesaġera. Kien hemm min anke qisu indikali jekk għandi xi bidu ta’ dipressjoni. Inħoss li aktar qed jifhmuni nies li għaddejjin minn sitwazzjonijiet bħal tiegħi, għalkemm b’sintomi li mhumiex bħal tiegħi eżatt”, tgħidilna l-omm.

“L-appell tiegħi hu biex l-awtoritajiet jieħdu ħsieb dawn il-każi”

L-istess omm tgħidilna li “tkellimt ma’ diversi nies oħra li qed ibatu minn sintomi wara li jfiqu. Hemm min ilu li fieq xahrejn iżda t-togħma baqgħet ma ġietx f’postha. Hemm oħrajn għadhom ibatu minn griżmejn xotti. L-uġiegħ ta’ ras spiss, uġiegħ fis-sider u għejja huma sintomi komuni ħafna fost dawk li fiequ iżda baqgħu ibatu minn xi sintomi. L-appell tiegħi lill-awtoritajiet hu biex lilna jagħtuna aktar informazzjoni fuq dawn is-sintomi. Li rridu hu serħan ir-ras, li dawn is-sintomi jistgħu jiġu trattati. Din hi xi ħaġa li barra minn Malta qed jagħtu kasha ħafna”, temmet tgħid l-omm.

“Għadu mhux stabbilit għaliex qed ikun hemm dawn is-sintomi” – Dr Miguel Debono

It-tabib Miguel Debono meta kien tkellem ma’ Inewsmalta dwar każi ta’ persuni li jkunu ġew dikjarati li fiequ mill-Covid19 imma imbagħad instab li dawn xorta baqgħu ibatu minn ċertu sintomi, kien qalilna li sa issa għadu mhux stabbilit għaliex iseħħu dawn is-sintomi.

Kien saħaq li “minħabba dan ġew żviluppati kliniċi apposta. Fost is-sintomi li qed naraw f’dawn il-persuni hemm għejja, uġigħ fil-muskoli u sturdamenti.  Sa issa għalfejn qed ikun hemm dan għadu mhux stabbilit. Dan irid ikun stabbilit bi studji li qed isiru”. 

Lista’ ta’ kliniċi speċjalizzati mħabbra fir-Renju Unit

Intant fir-Renju Unit, ġiet imħabbra lista’ sħiħa ta’ kliniċi u l-postijiet fejn qegħdin.  Dawn il-kliniċi, l-għan tagħhom hu li jgħinu persuni li qegħdin ibatu minn sintomi wara li fiequ mill-Covid19. B’kollox ġew imħabbra 81 klinika. 

Minn statistika li xxandret fir-Renju Unit tħabbar li hemm xejn inqas minn 186,000 persuna fir-Renju Unit li qed ibati minn sintomi tal-Covid19 u ilhom ibatu minnhom għal aktar minn ħames ġimgħat. Fir-Renju Unit, issemma kif waħda mill-fatturi li l-aktar li qed tispikka hi l-għejja u din qed twassal biex ammont ta’ ħaddiema jispiċċaw ma jirritornawx għax-xogħol.

Ekonomija

Sport