Thursday, January 22, 2026

META SE SSEĦĦ IL-PAĊI?

Aqra wkoll

“Il-gwerra fl-Ukrajna tintemm f’24 siegħa”. Hekk kien wiegħed Donald Trump fil-kampanja Presidenzjali. Kienet dikjarazzjoni ċara ħafna li tgħid li jekk jingħata l-fiduċja hu jtemm din il-gwerra. 

Ovvjament din kienet dikjarazzjoni li permezz tagħha l-istess Donald Trump kien qiegħed jipprova jbigħ ruħu bħala bniedem li se jwaqqaf il-gwerra fl-Ukrajna. Wara rajnieh jilgħab din il-logħba billi ipprova jieħu kredtu għal waqfien mill-ġlied f’kunflitt oħra. Dawn id-dikjarazzjonjiet imma hu biss parti minn logħba kapitalista akbar. Hi logħba, li waqt li l-Istati Uniti tagħti stampa li trid il-paċi, fir-realtà aktar jinteressaha x’se takkwista minn dawn l-istess pajjiżi.

Fl-aħħar ġimgħat rajna lil Trump jieħu kredtu għal tmien interventi deċiżivi li temmew kunflitti li kienu għadhom għaddejjin. Imma lil hinn minn dikjarazzjoni minn Trump, ir-realtà hi ferm ‘lbogħod minnhekk., 

Jekk wieħed iħares lejn il-ftehim ta’ paċi għal Gaża,  li sa issa kollox għadu fl-ewwel parti tiegħu, naraw li minkejja l-ftehim, l-attakki mill-Gvern ta’ Netanyahu baqgħu għaddejjin. L-imwiet komplew jiżdiedu għalkemm b’rata inqas. Rajna ukoll il-kunflitti fix-Xatt tal-Punent. Dan waqt li n-nies f’Gaża għaddejjin minn martirju u tbatijiet kbar għax qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet mill-agħar.

U proprju fl-aħħar sigħat smajna li Gvern ta’ Netanyahu iddeċieda li jżomm milli joperaw minn Gaża xejn Inas inn ħamsa u għoxrin għaqda umanitarja. Il-mistoqsija hi ċara ħafna. Min se jbati?  Mhux il-persuni ċivili. Huma it-tfal, it-trabi, in-nisa, il-familji u l-morda f’Gaża li se jbatu l-konsegwenzi għal deċiżjoni bħal din. Xi pjan ta’ paċi hu dan? Kif tista’ tgħid li għandek pjan ta’ paċi u mbagħad iżżomm għaqdiet umanitarji milli joperaw f’żona li ġiet litteralment terrapien.

L-amministrazzjoni ta’ Donald Trump issa għalqet sena. Trump hu l-istess persuna li qal li s-suċċess tiegħu se jitkejjel kemm mill-gwerer li jippreveni kif ukoll minn dawk li ma bediex. Imma żamm kelmtu? Assolutament li le. Filfatt  f’sena waħda, huwa diġà ordna bumbardamenti fi tliet pajjiżi – il-Jemen, l-Iran u n-Niġerja. Ma’ dawn imbagħad hemm l-attakki fatali fil-Karibew, imwettqa f’isem gwerra kontra t-traffikar tad-droga. Ma naqasx it-theddid b’mod partikolari kontra Nicolas Maduro tal-Venezwela. Theddida ta’ intervent saret ukoll lill-Iran.

Trump jiddikjara l-kreditu għal tmien interventi deċiżivi li temmew kunflitti li kienu għadhom għaddejjin. Għal darba oħra ir-realtà hija ’l bogħod minn dan. Qegħdin ngħidu dan għax din tinkludi armistizji li kienu diġà ffirmati u tentattivi falluti. Jekk nieħdu ż-żewġ kunflitti li l-aktar li jissemmew,  ​​jiġifieri, il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna u l-attakki li wasslu għall-qerda ta’ Gaża naraw li dak li wettqet l-amministrazzjoni tal-Istati Uniti kien diżappuntanti għall-aħħar.

Filfatt ma sar l-ebda progress fil-kunflitt tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna. Hu fatt li llum l-Ukrajna għandha problemi mhux żgħar biex tkompli tirreżisti.  Hu fatt li ħafna jistaqsu kemm l-Ukrajna se ddum tirreżisti?  Dan jingħad għax l-aħħar analiżi tal-kunflitt juru li l-kunflitt qed iwassal biex l-Ukrajna titlef aktar art. Ovvjament dan l-akkwist ġdid ta’ art għar-Russja,  mhux jgħin fit-taħdidiet għall-paċi.

Jekk nieħdu l-kunflitt f’Gaża naraw li l-waqfien mill-ġlied miksub f’Gaża s’issa ma wassalx għal xi bidu ta’ mekkaniżmu politiku li xi darba jista’ jirriżulta f’paċi ġusta u dejjiema.

Kemm fil-kunflitt Ukren u kemm is-sitwazzjoni f’Gaża, Trump għandu biss iwaħħal fih innifsu għall-fatt li l-paċi ma inkisbitx. 

Forsi jkun hawn min jgħid li għadu kmieni. Li Trump għandu jingħata aktar ċans. Il-President tal-Istati Uniti għandu tliet snin oħra. Imma minn dak li rajna fl-aħħar sena il-prospetti mhumiex sbieħ. L-Istati Uniti magħrufa għas-solidarjetà ta pajjiżi foqra, taħt Trump waqqfet din l-għajnuna.

Rajna n-nuqqas ta’ rispett  għall-valuri universali tad-drittijiet tal-bniedem. Qajna u qegħdin naraw persekuzzjoni sħiħa kontra ħaddiema barranin. Rajna l-ostilità lejn alleati storiċi bħall-Kanada u l-Unjoni Ewropea.  Ma jonqosx it-theddid lejn diversi pajjiżi fosthom l-Iran. Il-mistoqsija hi ċara: b’din il-politika tista’ tinkiseb il-paċi?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport