Il-gwerra fl-Ukrajna li issa daħlet fir-raba’ sena tagħha, minkejja kull tentattivi għal paċi, baqgħet għaddejja. Issa qegħdin naraw ukoll bidliet anke fil-mod kif qegħdin jitkellmu ċertu pajjiżi. Spikkat dikjarazzjoni tal-President Donald Trump fl-aħħar jiem. Prattikament mid-dikjarazzjonijiet li għamel joħroġ li dan irid jipprova itemm il-kunflitt bejn ir-Russja u l-Ukrajna billi hu stess jieqaf jipprova itemm il-kunflitt.
Fl-aħħar ġimgħat kien hemm għadd ta’ tentattivi biex tinstab il-paċi. Dawn iżda ma tawx il-frott mixtieq. Fl-istess waqt kellek lit-tim ta’ madwar Donald Trump li kien qiegħed jipprova jikkonvinċi lill-pubbliku fl-Istati Uniti li l-politika tal-President Trump lejn il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna qed ikollha impatt pożittiv. Kienu qalu xi ġimgħat ilu per eżempju li qegħdin fuq il-linja tal-paċi, u qatt ma konna eqreb lejn ftehim ta’ paċi milli qegħdin f’dan il-mument.” Imbagħad kien hemm il-famuża telefonat benn Trump u Vladimir Putin. Trump dakinhar kien qalilna li “t-ton u l-ispirtu tal-konverżazzjoni kienu eċċellenti”.
Ġara imma li ftit wara l-kapitali Ukrena, Kyiv spiċċat taħt attakk fuq skala kbira minn drones u missili Russi. Dan malajr kien segwit b’attakk sorpriża bid-drones tal-Ukrajna fuq għadd ta’ ajruplani.
U wara dawn l-iżviluppi, kellna lill-President Trump li f’laqgħa mal-Kanċillier tal-Ġermanja, Friedrich Merz, qabbel ir-Russja u l-Ukrajna ma’ żewġt itfal li jkunu qegħdin jiġġieldu. Qal li kultant kultant ikun aħjar li tħallihom jiġġieldu għal ftit u mbagħad tifridhom.”
U allura quddiem dan it-tip ta’ raġunament ftit hemm prospetti ta’ paċi fl-immedjat. Minkejja l-qerda u sofferenzi kbar li ġabet din il-gwerra, illum qegħdin iffaċċjati b’sitwazzjoni fejn aħjar inħalluhom jiġġieldu għal ftit żmien. U dan il-ftit żmien ovvjament ma nafux kemm hu. U jekk tħallihom jiġġieldu, ir-riżultat hu aktar qerda. Aktar imwiet.
Din il-gwerra, li għalkemm dehret li bdiet ħabta u sabta, kienet ilha tinġemgħa bil-mod il-mod. Dik li xi wħud bassru li kienet gwerra li ma kellhiex iddum, spiċċat f’katastrofi umana. Għalkemm l-istatistika tal-imwiet u l-feruti tvarja ħafna, illum hemm qbil ġenerali li l-imwiet u dawk feruti f’din il-gwerra qabżu l-miljun persuna. Xejn inqas minn 6 miljun Ukren li kellhom jitilqu mill-pajjiż.
Kien kunflitt li sa mill-bidu tiegħu rajna l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea jwarrbu u jiżolaw lir-Russja. Rajna l-mod kif għamlu sanzjonijiet u li minnhom batew bil-kbir ċittadini ordinarji Russi. Rajna kif ir-Russja bdiet tiġi litteralment iżolata mill-Punent. Iżolament min kull lat, politiku u anke kulturali. Mill-banda l-oħra, l-Ukrajna kienet qiegħda tiġi mgħejjuna b’armamenti mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u mill-Istati Uniti.
Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea u minn pajjiżi membri, ammont għal xejn inqas min $154 biljun f’għajnuna finanzjarja, militari, umanitarja u assistenza għal refuġjati.
Hi kontradizzjoni kbira li din l-Unjoni Ewropea li twaqqfet fuq is-solidarjetà u bil-għan li ma jerġax ikun hemm gwerra fl-Ewropa, tispiċċa, tagħti xejn inqas minn $52 biljun f’għajnuna militari. Għajnuna militari li tvarja minn munizzjon, sistemi għad-difiża mill-arju, tankijiet tal-gwerra u ajruplani tal-gwerra. Ovvjament l-użu tagħhom, iħalli biss vittmi – suldati tan-naħa opposta u vittmi ċivili.
Din l-Unjoni Ewropea mibnija fuq is-solidarjetà għax din hi essenzjali biex l-Istati membri ikollhom il-paċi u s-sigurtà, spiċċat tintervjeni direttament f’dan il-kunflitt, b’armamenti u anke tħarreġ suldati Ukreni u dan biex iżommu l-offensiva Russa. Tat messaġġi, ħżiena b’mod kontinwu għax għalkemm tat għajnuna lir-refuġjati Ukreni – dik l-għanuna swiet $18-il biljun, ħafna inqas, li hi terz tal-għajnuna finazjarja għat-tagħmir militari.
Minkejja l-katastrofi umana ta’ din il-gwerra, rajna fix-xhur li għaddew li ma kienx hemm rieda biex din il-gwerra tieqaf. Mhux talli hekk talli kien hemm l-interess kollu li l-gwerra titkompla.
L-interess tal-Istati kien dak li ma joħroġ ebda rebbieħ minn dan il-kunflitt. U issa dan qegħdin narawh ċar bi Trump lest iħalli l-kunflitt għaddej. L-Unjoni Ewropea riedet rebħa Ukrena. Il-mod kif ittawwal il-kunflitt ħoloq pressjonijiet finanzjarji fuq il-pajjiżi u anke pressjonijiet miċ-ċittadini.
Illum għandna sitwazzjojni ta’ Ukrajna li tinsab f’pożizzjoni dgħajfa. Hu fatt li l-Ukrajna setgħet tirrezisti l-invażjoni Russa bl-għajnuna ta’ armamenti mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Illum kulħadd hu konxju li l-Ukrajna ma tistax tirbaħ din il-gwerra. Tista’ biss tirreżisti. Il-mistoqsija imma hi kemm se ddum tirreżisti? It-tama tibqa’ li tinsab il-paċi.