Minn Cristian Muscat
Kif bdiet il-passjoni tiegħek lejn l-għawm artistiku?
Din il-passjoni għall-għawm artistiku bdiet meta ġejt esposta għal sessjoni ta’ taħriġ mimm Saho Harada madwar tlettax-il sena ilu. L-għawm artistiku jlaqqa’ l-passjoni tiegħi għall-ballet u l-għawm. Huwa ta’ sfida kbira għax jitlob minnek saħħa fl-ilma u l-abilità li turi arti permezz ta’ sinkronizzazzjoni u movimenti grazzjużi waqt il-wirja tiegħek.
Iddeskrivi l-irwol tiegħek bħala atleta tal-għawm artistiku.
Bdejt l-għawm artistiku meta kelli sitt snin. Ipparteċipajt f’timijiet mal-kategoriji tal-U10 u l-U12, u kont ukoll bħala duet partner. Fl-2017, imxejt fi grupp b’aktar età, iżda ma stajtx ningħaqad fi grupp minħabba l-età tiegħi, u sa dan iż-żmien kont qed naħdem bħala solista, u sena wara tfajla Russa ngħaqdet mat-tim u ffurmajna duo. It-tnejn li aħna pparteċipajna fil-kompetizzjoni Matryoshka fl-2019, kemm bħala duo u anke waħedna.
L-iktar memorja għal qalbi hi meta f’Malta saru ċ-Championshiop fl-2021, għalkemm ma stajtx nipparteċipa minħabba restrizzjonijiet fl-età. Nieħu gost f’kull avveniment, kemm solos, mixed duets u issa wkoll bl-acro event. Fl-2021 iffukajt aktar bħala solo, u mill-2022 kelli partner, Emily Ruggier, u flimkien qsamna esperjenzi sbieħ f’kompetizzjonijiet differenti, u riċentament fil-Junior Europeans li kienu saru fil-faċilitajiet sportivi tal-Kottonera.
F’Settembru tal-2023, ingħaqadt ma’ Kallipolis, Barċellona. Tħarriġt kemm fiċ-Championship tal-Katalan u Spanjoli u wkoll ksibt post fuq il-podju. L-espożizzjoni li ksibt mill-wirjiet tiegħi, fit-team free, team tech u avvenimenti akrobatiċi huma imprezzabbli.
Aqsam magħna l-esperjenza tiegħek meta riċentement pparteċipajt f’kompetizzjoni internazzjonali barra minn xtutna.
Riċentament ħadt sehem fil-World Cup f’Pariġi, bħala senior soloist, u dan kien l-ewwel debut tiegħi f’dan il-livell. Ir-regoli nbidlu, allura ħdimna fuq l-adazzjoni tal-koreografija li hi kitbet għall-Malta Open fl-2024 biex nimxu mar-regoli l-ġodda. Base marks huma l-biża’ ta’ kull atleta, u filwaqt li l-għan hu li tagħti wirja mingħajr żbalji, dejjem inħobb nisfida lili nnifsi u nagħmel eżekuzzjonijiet aħjar u impressjoni artistika, anke jekk dan jiġi bi prezz għoli. Inħobb nisfida lili nnifsi u nara sa fejn nista’ nasal.
Ir-rutini ta’ waħdi ġew miktuba mid-direttriċi tekniku Ms Anna Tarres. Ksibt riżultati tajbin fejn jidħlu l-wirja artistika u eżekuzzjoni, imma l-base mark (BM) affettwat ir-riżultat ġenerali.
Filwaqt li s-solo free routine offriet sfidi sinifikanti, bid-diffikultà kważi tirdoppja dik tal-kategorija Junior, irċevejt rispons tajjeb ħafna fuq il-mużika li għażilt u anke fuq il-wirja tiegħi.
Qed inħares ’il quddiem b’nota kemm pożittiva u anke realistika. Kuntenta bit-tijtib li għamilt u ser niffoka kif aktar ser intejjeb il-wirjiet tiegħi fejn hemm bżonn.
Kif inhu l-livell kurrenti tal-għawm artistiku f’Malta? U dawk tat-taħriġ u fejn isiru l-kompetizzjonijiet?
Meta tara l-livell inħoss li kien hemm progress, imma li hemm ċertu aspetti li jeħtieġu attenzjoni. Dan l-isport qed jikber ukoll, speċjalment fost atleti femminili. Imma l-parteċipazzjoni tal-irġiel tibqa’ aktar limitata, toffri sifdi fejn jidħlu mixed duets. Dan mhux biss Malta anke barra minn Malta u dan mhux qed jgħin fl-iżvilupp tat-timijiet.
Apparti minn hekk, dwar it-taħriġ hemm bżonn li jkun hemm aktar ħinijiet għall-użu tal-pixxina, u dan jista’ joħloq problema. Meta l-atleti jibdew jikbru, jibdew jiġu sfidi ġodda fejn jidħol l-impenn, u dan jaffettwa l-parteċipazzjoni tat-tim u l-wirja tiegħu. Li jkun hemm sapport akkademiku u anke fl-immaniġjar tat-taħriġ żgur li ser jgħin biex inżommu dan it-talent.
Il-faċilitajiet ġodda tal-Kottonera huma żgur riżorsa indispensabbli. Meta niġu għar-riżorsi ta’ kompetizzjonijiet lokali, għandna 2 klabbs synchro, imma għadna lura fejn jidħlu opportunitajiet ta’ kompetizzjonijiet. Riżorsi finanzjarji jeħtieġ li jkun hemm aktar biex jattiraw aktar atleti f’kull sports tal-ilma, inkluż l-għawm artistiku, inkella jkun inutli li tinvesti f’faċilitajiet tal-pixxina.
X’inhuma l-isfidi li tara quddiemek?
Sa mill-2023, kont qed nitħarreġ barra minn xtutna u lestejt il-ħames sena sekondarja tiegħi online – vjaġġ li sar possibbli bis-sapport tan-National Sports School (NSS). L-esperjenza kienet simili tal-era tal-Covid-19, imma bi sfida akbar għax ridt nagħmel l-eżamijiet fil-livell ordinarju. Din is-sena preżentat sfidi ġodda, minkejja li bdejt infittex li nibda higher secondary, kemm l-iskejjel pubbliċi u anke privati m’aċċċettawx l-applikazzjoni tiegħi biex inkompli nistudja online. Minbarra li ma nistax inkun parti mill-komunità tal-iskola, ma jistax ukoll ikolli stipendju bħal ħaddieħor. Dan ma waqqfnix milli nkompli nistudja barra, u wkoll bdejt xi lezzjonijiet online u anke permezz ta’ lezzjonijiet irrekordjati. Għalhekk nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil Centric Computers f’San Pawl il-Baħar li jirrisponduni u jassistuni b’mod effiċjenti fuq diffikultajiet tekniċi meta qed nistudja online.
Irrikonoxxejt l-importanza tal-integrazzjoni kulturali, u għalhekk bdejt nistudja l-Ispanjol, biex inkun nista’ nikkomunika aħjar bil-lingwa nattiva. Iżda huma jippreferu l-Katalan, li huwa aktar diffiċli.
Kif tara l-futur tiegħek fl-għawm artistiku?
Qed niffoka biex inkompli nitjieb bħala solista, li naċċella fil-kategorija tal-junior filwaqt li nipprepara għal kompetizzjonijiet fuq livell senior. L-obbligi tiegħi fi Spanja ser jiġu fis-seħħ f’dan l-istaġun. Ninsab ħerqana biex nipparteċipa f’avvenimenti oħrajn, li jinkludu, solos, duets, f’tim u anke wirjiet akrobatiċi kemm mal-klabb u anke fuq livell nazzjonali. Ninsab kunfidenti li l-esperjenzi li ksibt barra minn Malta ser jgħinuni biex inkun membru tat-tim ta’ siwi u li nikkontribwixxi b’mod pożittiv u nissapportja wkoll is-suċċess tal-membri tat-tim. Qed niffoka wkoll li ntejjeb ir-ranking mal-ewwel 5 tal-kategorija Junior. Bħalissa r-ranking tiegħi huwa d-disa’ post fil-Junior Europeans is-sena l-oħra.
X’inhu l-messaġġ li tixtieq tgħaddi għal min jixtieq ikollu karriera fl-għawm artistiku?
Ibqa’ agħmel dak li jagħtik sodisfazzjon u li jferrħek. Jekk għandek passjoni lejn l-isports ibqa’ segwi u tħalli lil ħadd jikkonvinċik li int m’intx tajjeb biżżejjed.
Li jkollok bilanċ bejn l-isports u l-istudji tista’ tkun ta’ sfida, imma jekk tqassam il-ħin b’mod effettiv, tista’ tikseb dan. Trid issib rutina li takkomoda kemm it-taħriġ u anke l-istudju tiegħek. Li teċċella jirrikjedi attitudni, determinazzjoni, dixxiplina, il-kurżità li titgħallem, u fuq kollox li tkun konxju tiegħek innifsek u mhux biss li jkollok it-talent.
Meta ssib ruħek quddiem l-ostakli, ftakar li ċ-ċavetta hija l-perseveranza. Fittex is-sapport mingħand il-ġenituri, l-għalliema, il-kowċis u membri tat-tim; dawn jistgħu jagħtu gwida imprezzabbli u jinkoraġġuk. Agħmel l-għanijiet u prova ilħaqhom.
Ftakar li l-vjaġġ jaf ikun twil, imma b’determinazzjoni u s-sapport, tista’ tegħleb kull sfida u tikseb affarijiet kbar. Xejn ma jiġi waħdu u faċilment.
Nieħu l-opportunità biex nirringrazzja lil SportMalta, il-Kumitat Olimpiku Malti (KOM), il-klabb tiegħi f’Malta Synchro Knights, u wkoll il-Malta Sports Scholarship għas-sapport inkredibbli li jagħtuni
U wkoll lill-ASA u l-kowċis tal-opportunità li tawni biex nagħti l-ewwel debutt tiegħi fil-kompetizzjoni senior, u fl-aħħar u mhux l-inqas lill-ġenituri, familja, ħbieb, u membri tat-tim.