Saturday, December 21, 2024

Meta t-tarzna bdiet ittejjeb il-qagħda finanzjarja tagħha b’ħeffa… kien iddikjarat li l-pożizzjoni tat-tarzna hi l-aktar waħda tajba fid-dinja

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-ewwel darba li dħalt it-tarzna Maltija, kien fis-sena 1995. Kienet okkazjoni ta’ xogħol. Ħaddiema miġburin. Dakinhar smajt dikjarazzjoni li baqgħet f’moħħi u għaddew snin u spiss kont bqajt nismagħha tiġi ripetuta minn ħaddiema oħra.

“It-tarzna hi l-università tal-boiler suit”. Magħrufa hekk għal diversi raġunijiet. Tista’ tgħid li hi l-mekka tas-snajja. Filfatt iddgħajfet it-tarzna u magħha sparixxew għadd ta’ snajja. Kienet iċ-ċentru tal-apprentistat u fuq kollox kienet toffri impjieg lil ħafna ħaddiema f’Malta. Imma mhux biss. Il-ħaddiema tat-tarznari magħrufa għal attiviżmu tagħhom. Għall-militantiżmu. Kull meta kont inkun it-tarzna dejjem kienet tispikka ħaġa waħda, kemm il-ħaddiema kienu jkunu infurmati dwar dawk li jkun għaddej madwarhom u madwar pajjiżna. Matul is-snin rajnihom jipprotestaw u l-ħaddiema tat-tarzna f’Malta kienu anke ipprotestaw biex l-Ark Royal ma’ tidħolx fil-Port il-Kbir.

Azzjoni li wasslet biex l-istess Ark Royal kellha tidħol f’San Pawl il-Baħar. Wara l-azzjoni tal-ħaddiema Maltin, ħaddiema oħra f’pajjiżi barranin inkluż l-Awstralja għamlu protesti simili kontra l-bastimenti li jġorru armi nuklejari.

U meta tħares lejn it-Tarzna tal-antik u x’qed jiġri llum, se tara bla dubju ta’ xejn li l-militanza fost il-ħaddiema sparixxiet. Il-militanza fost il-ħaddiema naqset konsegwenza ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-passat li naqsu s-saħħa tagħha.

Sammy Meilaq meta konna intervistajnieh is-sena li għaddiet, kien iddikjara li “l-militanza naqset. Il-militanza żdiedet minn min iħaddem. Għaliex naqset il-militanza mill-ħaddiema? Inbidlu ħafna liġijiet u naqsu s-saħħa tal-unions inkluż hawn Malta fosthom id-dritt tal-istrajk. Il-liġijiet li tista’ tagħmel strajk ta’ simpatija, il-‘lightning strike’, u li tagħmel ftehim għal close shop.

Dawn kollha spiccaw. Ftit ftit kien hemm proċess u dawn ġew aċċettati anke mill-Partiti Laburisti fl-Ewropa. Il-liġijiet inbidlu u taw dritt lil min iħaddem li jkeċċi bla proċedura. Daħal ix-xogħol prekarju u bil-kuntratt. Din wasslet bier naqset il-militanza. Naqset is-saħħa ta’ l-unions u min iħaddem żdiditlu is-saħħa. Illum qegħdin ngħixu fi żmien fejn ix-xogħol prekarju hu l-akbar għadu tal-unions.”

Intant propju sittin sena ilu, is-sitwazzjoni fit-tarana kienet ferm u ferm differenti mil-lum. Proprju sittin sena ilu kien tħabbar bidla fil-management tal-Malta Drydocks u dan kien sar minħabba l-volum ta’ xogħol u l-progress fix-xogħol kummerċjali.

Dak inhar kien intqal li “bidla sħiħ li bidet isseħħ mill-bieraħ saret fil-management tal-Malta Drydocks. Il-ħtieġa ta’ din l-bidla nħasset minħabba l-volum dejjem jikber ta’ xogħol u l-progress li sar biex jiġu kummerċjalizzati l-attivitajiet tat-tarzna. Ir-riorganizazzjoni li saret ħolqot żewġ karigi ġodda, wieħed ta’ Deputy General Manager u ieħor Yard Manager. Barra minn dan għandu jiġu iffurmat ukoll id-Dipartiment ġdid li se jkun il-Production Engineering Department.

U proprju ftit jiem wara li tħabbar dan, it-tarzna kienet tkellmet dwar kif kien qed isir progress kbir fit-tarzna. Kien intqal li “Il-Qagħda tat-tarzna qed titjieb bil-ħeffa…il-pożizzjoni tagħha l-iktar waħda tajba fid-dinja”.

Dan ir-rapport beda biex qal li “Il-futur tal-Malta Drydocks jidher li hu sabiħ u mimli prospetti skont kif jidher minn intervista li li Norman S Thompson, General Manager ta’ l-organizazzjoni, kellu max-Shipping Correspondent tal-‘Financial Times’ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet u li ġiet ippubblikata illum.

Thomspson qal li bejn 12-il xahar u 18-il xahar oħra, il-Malta Drydocks se jkollha jkollhom bilanċ fid-dħul u ħruġ ta’ flus. Hu qal li meta Swan Hunter u Wigham Richardson ħadu t-tmexxija f’idejhom huma wirtu t-telf “imma l-qagħda issa qed titjieb f’ħeffa. Sitt xhur ilu ma bqajniex nitilfu l-flus. Mhux qed nagħmlu profitti. Għad hemm telf imma dan qed jonqos dejjem.”

Kien intqal li “fl-ewwel sena tagħhom f’Malta, jiġifieri sa Mejju li għadda, Swan Hunter ħadu 50 fil-mija xogħol kumemrċjali u 50 fil-mija xogħol navali ta’ tiswijiet.

Dan ilaħħaq b’kollox £3 miljuni. Thompson qal li din is-sena jekk ix-xejra għall-aħjar tibqa’ sejra, ix-xogħol kummerċjali jegħleb dak navali fil-proporzjon ta’ tliet għal kull wieħed. Il-valur tax-xogħol qiegħed ukoll jogħla u hu mistenni lix-xogħol kummeerċjali jlaħħaq it-£3 miljun matul din is-sena. Fis-sena li għalqet f’April 1964, 195 vapuri kummerċjali, il-biċċa l-kbira minnhom tankers, daħlu għad-dry docking u 49 sarulhom tiswijiet barra mill-baċiri. S’issa din is-sena 129 vapuri kummerċjali daħlu għad-drydocking u 33 oħra ġew imsewwijin barra mill-baċiri. Fis-sena 1962 – 1963, 122 vapuri daħlu għad-drydocking u 48 daħlu għal xogħol ta’ tiswijiet barra mill-baċiri.”

Kien rappurtat li “Thompson jemmen bil-qawwa li Malta għandha probabbilment l-iżjed tazna f’pożizzjoni tajba fid-dinja għal tankers taż-żejt peress li tinsab fuq ir-rotot kummerċjali mill-Golf Persjan u mil-Libja”. Kien qal li “l-kundizzjonijiet huma favorevoli biex titwaqqaf din ix-xejra minħabba r-relazzjonijiet preżenti tajbin bejn il-management u l-GWU.

Hu qal li J. Attard Kingswell, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU hu ‘trade unionista’ b’moħħu miftuħ ħafna. Kemm il-management u kemm il-GWU jidhru li huma inklinati għal dak li qed jiġri fl-Iskandinavja fejn id-demarkazzjoni hi meqjusa minn kull naħa bħala ineffiċjenti u li tagħmel ħsara lill-status kompetittiv ta’ industrija.”

Ekonomija

Sport