Għadd ta’ tfal minn diversi istituzzjonijiet ilbieraħ għaddew mumenti ta’ ferħ meta x-xufiera tat-taxis il-bojod b’ġest li ilhom jagħmluh għal dawn l-aħħar 30 sena ħaduhom dawra madwar il-pajjiż u organizzawlhom ġurnata mimlija attivitajiet.
Din l-inizjattiva kien bdieha Anthony Galea u xi xufiera oħra li llum m’għadhomx magħna u komplewha r-raġel ta’ bintu Malcolm Ciantar, li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ White Taxis Malta flimkien ma’ Brian Scicluna. Kull sena, dawn jagħmlu att ta’ karità ma’ diversi persuni minn tfal sa individwi oħra fil-bżonn speċjalment f’dawn iż-żminijiet tant sbieħ tal-Milied.
Kif nafu iżda mhux kull familja jkollha ċ-ċans tgawdi dawn il-festi bl-aqwa mod possibbli u għalhekk spiss tara tfal u anke adulti li dawn iż-żminijiet ikunu ferm ibsin għalihom. Iżda kif qalilna Ciantar f’intervista li għamilnielu, huma jħobbu jagħtu dik ix-xi ħaġa lura biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ dawn it-tfal.
“Morna f’diversi postijiet fosthom Dar il-Mediterran, il-Malta Experience, l-Esplora u wara spiċċajna b’festin f’lukanda ewlenija f’pajjiżna,” qal Ciantar li spjega kif madwar sebat idjar ibbenefikaw minn din l-inizjattiva.
Huwa żied jgħid li hi l-għaxqa tiegħu li jara dawn it-tfal bid-daħka fuq wiċċhom. “Meta tisma’ t-tfal jgħidulek meta tkun l-attività li jmiss u jirringrazzjawk filwaqt li jieħdu pjaċir, naħseb li dak hu l-isbaħ mument li bħala xufier jista’ jkollok. Il-flus m’huma xejn ħdejn il-kuntentizza li dawn it-tfal jittrażmettu.”
Għaż-żmien li ġej hemm ukoll ippjanati attivitajiet oħra simili, b’mod partikolari fis-sajf u anke f’okkażjonijiet oħra.
Is-Sindku tal-Belt Valletta Olaf McKay, qal li lbieraħ il-Belt Valletta laqgħet tfal mill-istituti u l-homes għa mument ta’ atmosfera ta’ festi. “Servejna breakfast lit-tfal kollha, inizjattiva li tgħaqqad il-komunità u tkompli turi l-valuri tas-solidarjetà u l-għaqda.”
McKay irringrazzja lill-Assoċjazzjoni tat-Taxis il-Bojod għal dan il-ġest nobbli, lill-MCC tal-ospitalità ġeneruża tagħhom u lil Esplora għad-dħul waqt l-attività STEM Factory.
“Dawn l-inizjattivi huma xhieda ta’ kif, flimkien, nistgħu nagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ dawk li jeħtieġuha l-aktar,” temm jgħid is-Sindku tal-Belt Valletta.