Thursday, May 22, 2025

Meta tara d-dedikazzjoni tal-plejers tagħna, kien jagħtini kuraġġ u spinta ikbar biex nippersisti t-tragward tagħna – Yvonne Barry

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imhabba tiegħek lejn in-netball?

L-isport minn dejjem kien importanti f’ħajti, u minn ta’ etá żgħira kont nieħu sehem fl- attijivitajiet li kienu jiġu organizzati dak iż-żmien.

In-netball kien wiehed mid-dixxiplini li konna nipprattikaw l-iskola fil-Primarja u s- Sekondarja.  Konna nieħdu sehem f’tournaments organizzati mill-iskejjel.

Wara s-sekondarja ngħaqadt ma’ tim li kienu jieħdu sehem fil-kampjonat tan-netball u minn ta’ 16-il sena s’issa bqajt nipprattikah.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Fgura Champs Netball Club.

Fgura Champs huwa tim kompost minn plejers ta’ etá relattivament żgħira.  Plejers dedikati immens u li jiena bħala kowċ inħossni kburija bl-iżvilupp li għamlu f’dawn l-aħħar sentejn. Kull plejer ghandu xi ħaġa speċjali li jġib lejn it-tim, imma l-iktar ħaġa li tispikka f’dan it-tim hija l-għaqda ta’ bejniethom. Huwa tim li nsejjaħlu familja.

X’unuri rbaħt fil-karriera tiegħek kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?

Mat-Tim Fuego Champs u Luxol Champs, għamilna madwar għaxar snin nirbħu l-kampjonat tan-Netball, inkluz in-Knock-out. Personalment, kelli ħafna opprtunitajiet nirrapreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali, li kien ikun l-ikbar unur għalija.

Kont ukoll mogħtija l-unur tal-Aħjar Plejer tas-Sena għal ħames darbiet fin-Netball Malti.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-aħħar staġun, hekk kif irbaħtu l-kampjonat?

It-tim ħadem ħafna matul din is-sena.  Il-plejers dejjem kienu jattendu għat-taħriġ li kien isir darbtejn fil- ġimgħa. Meta tara d-dedikazzjoni tagħhom, kien jagħtini kuraġġ u spinta ikbar biex nippersisti t-tragward tagħna. L-għan ta’ din is sena kien li nirbħu l-kampjonat wara li s-sena l-oħra spiċċajna fit-tieni post b’telfa waħda biss. U issa b’unur kbir, nista’ ngħid li rnexxielna nagħmlu dan mingħajr telfa.

Int kont ukoll kowċ tat-tim nazzjonali Malti tan-netball. Agħtina iktar dettalji.

Li tkun kowċ nazzjonali jirrikjedi ħsieb differenti minn dak tat-tim tiegħek.

L-wwwel u fuq kollox, għalija kien importanti li jkollna tim magħqud.  Jien nemmen ħafna li jrid ikun hemm sintonija bejn il-plejers biex jirnexxu bħala tim. U nista’ ngħid li rnexxieli.  Għalkemm din is-sena ma kontx parti min-nazzjonal għal raġunijiet personali, xorta ħassejtni involuta ħafna.

Mit-tim tal-Fgura Champs, hemm erba’ plejers li jiffurmaw parti mit-Tim Nazzjonali u għalhekk xorta bqajt nissapportja b’xi mod.

Int plejer ta’ suċċess kemm fin-netball u kont anke fil-handball. Agħtina iktar dettalji.

Bħala plejer dejjem ħdimt biex navvanza.  Kont nagħmel ħilti biex inlaħħaq mat-taħriġ taż-żewġ dixxiplini, speċjalment meta fl-istess staġun kien ikolli wkoll it-taħriġ nazzjonali tat-tnejn li huma.

Ma kinitx faċli, li jkollok ix-xogħol personali, il-familja u t-taħriġ u l-logħob kuljum fost il-ġimgħa. Taħriġ li xi kultant kien jispiċċa fil-11pm.

Fil-Handball kelli wkoll iċ-ċans li nirraprezenta lil Malta f’diversi okkażjonijiet u anke nirbaħ unuri fl-Iżrael bħala l-Aħjar Plejer f’żewġ logħbiet.

L-esperjenzi u l-memorji li għandi f’dawn l-isports huma kbar u nibqa’ ngħożżhom għal dejjem.

Kemm hu differenti r-rwol ta’ kowċ minn dak ta’ plejer?

Ngħid il-veritá, jien nippreferi meta kont inkun plejer milli kowċ. Disa’ snin ilu kont ukoll plejer / kowċ fin- Nazzjonal. Bħala plejer inħoss li tista’ tesprimi ruhek aktar fil court u hija d-decizjoni personali tieghek li tibqa tistinka sabiex tavvanza.

Bħala kowċ, ir-rwol jinbidel kompletament.  Dak li inti temmen fih, trid titrażmettieh lill-plejers l-oħra u sa ċertu punt m’huwiex fil-kontroll tiegħek kompletament.

Trid trawwem id-dixxiplina imma fl-istess ħin tibqa’ uman. Jiena dejjem ħdimt ma’ plejers ta’ ‘l fuq minn 18-il sena li wkoll tagħmel differenza u li tagħmilha inqas faċli sa ċertu punt għax l-apettattivi huma varji.

Madankollu, is-sodissfazzjon inġenerali huwa kbir ukoll. Bħalma hi l-ansjetá!

Din is sena kien wieħed mill-akbar unuri bħala kowċ hekk li issa rbaħna l-kampjonat.

 Kif tqis il livell tan netball f pajjiżna u kif rajtu jinbidel tul is snin?

In-Netball minn meta bdejt jien sa issa evolva fuq skala kompletament differenti, anke lokalment. Għamilna avvanz kbir ta’ kif tintlagħab il-logħba. It-taħriġ u l-korsijiet li ġew organizzati mill-Malta Netball Association (MNA) għall-kowċis għenu sabiex dan ikun jista’ jirnexxi.

Il-kowċis illum il-ġurnata għandhom iktar informazzjoni f’idejhom, hemm hafna mezzi ta’ social media fejn wieħed jista’ jara u jifhem sitwazzjonijiet aħjar.

Ċerti  regolamenti nbidlu wkoll u allura għamlu l-logħba iktar mgħaġġla u bla waqfien.

Punt li xtaqt insemmi hawn, huwa x-xewqa li nerġgħu ndahhlu n-Netball fit-taħriġ tal-iskejjel Primarji u Sekondarji fejn kienu jsiru tournaments kompetittivi regolari bejn l-iskejjel stess.

Minn hemm bdiet il-ħajra tiegħi li ningħaqad ma’ tim u llum hawn l-opportunijatiet ukoll għal dawk ta’ etá żgħira li jistgħu jidbdew fin-nurseries tan-Netball.

U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Ir-riżorsi li għandna huma ftit.  Jekk tim ma jirnexxielux isib sponsor biex tal-Inqas ikoprilek l-ispejjeż tal- courts, dawn iridu joħorġuhom il-plejers stess.

Bħala court ufficjali għandna wieħed biss ġewwa l-Kirkop Sports Complex li jrid jinqasam bejn it-timijiet kollha.  Dan mhux l-ideal kemm għal l-allokazzjonijiet kif ukoll għall-ħinijiet. Ta’ min jgħid ukoll li dan jintuża minn dixxiplini oħra u allura jkomplu jnaqssu l-aċċessibiltá. Wasal ukoll iż-żmien li l-art tinbidel u forsi ninvestu f’art iktar addattata bħall-parquet.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fin-netball?

Ċertament ir-rwol prinċipali huwa li nibqa’ nikkowċja dal-grupp ta’ żgħażagħ u nrawwem fihom valuri u prinċipji sodi. ‘Il quddiem nispera wkoll li nkun nista’ nerġa nagħti s-servizzi tiegħi fin-Nazzjonal li mhux neċessarjament bħala kowċ. L-etá qiegħda hemm, imma nemmen li jekk tibqa’ attiv, xorta waħda tista’ tipparteċipa, u allura ma neskludix li fis-sena li ġejja ningħaqad ma’ tim tat-Tieni Diviżjoni, fejn jien inkun nista’ nilgħab ukoll. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fin-netball.

In-Netball fih innifsu m’huwiex biss sport.  Huwa komunitá ta’ plejers u timijiet li bejniethom jikbru flimkien u tagħmilhom individwi aħjar.

Jekk wieħed jittrenja bis-serjetá u jasal san-Nazzjonal, nassigurah li s-sodisfazzjon huwa kbir. Għalkemm in-Netball mhux insemmi bħall-Futbol, l-emozzjonijiet li ngħaddu minnhom huma kbar. Bħalma dejjem ngħid, kif jgħidu bl-Ingliż: ‘Believe to Achieve’.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport