Sunday, October 19, 2025

Meta tfajjel ta’ 13-il sena miet mgħarraq 

...Wara li inqabad fl-ilmijiet ta’ xita qawwija… miet eżatt fl-istess ġurnata li fiha kien miet ħuħ 12-il sena qabel

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Żewġ aħwa imutu eżattament fl-istess ġurnata. Fi spazju ta’ 12-il sena.  Illum hu proprju s-sittin anniversarju  mindu Pawlu Curmi ta’ 13-il sena kien miet mgħarraq wara li ġarru l-wied fil-Marsa kawża ta’ xita qalila. Pawlu kien spiċċa inqabad taħt vann u miet hemm.

Dak inhar kien ingħad li “Pawlu Curmi, tfajjel ta’ 13-il sena minn Ħal Qormi  instab għall-ħabta tat-8.15 ta’ filgħaxija mgħarraq taħt vann f’għadira ilma u tajn f’Jockey Lane fil-Marsa. Hu mifhum li t-tifel inqabad fil-wied ta’ l-ilma tax-xita li kaxkru miegħu. L-istess wied kaxkar tul ta’ jardi il-vann li taħt instab it-tfajjel.

It-tfajjel ħalla d-dar tiegħu f’Ħal Qormi,  kmieni filgħaxija biex iżur ħabib tiegħu li joqgħod fid-dar fejn ġrat id-diżgrazzja.  Meta t-tfajjel inqabad fl-inċident kien jinsab waħdu. Il-katavru tat-tfajjel ġie meħud l-isptar San Luqa. 

Konfużjoni sħiħa

Kien intqal li x-xita qawwija li għamlet ħolqot konfużjoni f’parti kbira mill-gżira. Fl-Imsida, il-Ħamrun u Birkirkara kien hemm konfużjoni sħiħa ta’ traffiku. Mijiet ta’ karozzi ġew abbandunati mis-sidien tagħhom fit-triqat.. Il-Belt Valletta ġiet milquta sewwa. Fit-triq ta’ Marsamxett il-karozzi kollha kellhom jieqfu nofshom fl-ilma. Il-belt Valletta ġiet milquta sewwa. Fit-triq ta’ Marsamxett il-karozzi kollha jieqfu nofshom fl-ilma. Fil-belt koll, bħal ħafna postijiet oħra, ma kontx tara ħlief min jitfa’ l-ilma barra  mill-ħwienet u mid-djar. 

Karozzi marbutin ma’ xulxin

Intqal li biex it-traffiku jevita l-konfużjoni li nħolqot fl-Imsida, bosta mill-karozza ippruvaw iduru minn Birkirkara għal Tas-Sliema, iżda minflok waslu qabel fid-destinazzjoni tagħhom inqabdu f’konġestjoni akbar. F’ħinijiet minnhom il-venda tal-karozzi tal-linja ta’ Tas-Sliema f’Putirjal kienet tinsab vojta minħabba li l-karozzi kollha inqabdu fil-konfuzjoni tat-triqat. F’Tas-Sliema stess karozzi abbandunati ġew marbutin ma’ xulxin biex ma jeħodhomx l-ilma. 

Sajjetta tolqot il-mina tal-Isla

Kien ingħad li waħda mill-ħafna sajjetti li għamlu matul il-maltempata, laqtet il-mina ta’ l-Isla u ġarrfet parti minnha għamlitha impossibbli li naħa minnha tintuża.  Minħabba f’hekk, il-karozzi tal-linja bdew iħallu u jiġbru l-passiġġieri barra l-Isla.

L-għada f’rapporti pubblikati kien intqal li “eżatt tnax-il sena ilu, Karmenu Curmi minn Ħal Qormi,  it-tifel tal-familja Curmi, miet fid-dar tiegħu. Iżda għall-familja Curmi, din id-dehxa ta’ niket kellha terġa’ tirrepeti ruħha, meta t-tifel tagħhom Paul safa’ mkaxkar mill-wied tal-ilma fil-Marsa.  Membru tal-familja Curmi imnikket u qalbu sewda kien qal li “t-telfa ta’ Pawlu ħassejniha doppja għax fiha konna naraw lil Karmenu li miet 12-il sena ilu fl-età ta’ 14-il sena. Hu żied jgħid li  l-mewt ta’ Pawlu tassew ħasdithom. Hu  kien ma’ missieru l-Marsa u dan bagħtu jieħu te minn ħanut fil-qrib fejn miet. “Dak il-ħin ma kienx hemm xita, iżda imbagħad bdiet tfaqqa’ ix-xita fil-qliel u billi għadda ftit tal-ħin x’ħin Pawlu ħareġ mill-ħanut, qabdu l-wied u b’hekk ġrat id-diżgrazzja”. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport