L-eks uffiċjal f’Kastilja Neville Gafà ma nstabx ħati li hedded lill-ġurnalist Taljan Nello Scavo wara li l-Prosekuzzjoni ma ppruvatx li kien seħħ dan l-allegat reat.
Il-kwistjoni bdiet fis-27 ta’ Ġunju li għadda meta fuq Twitter, l-organizzazzjoni Alarm Phone, li jgħin immigranti li jsibu ruħhom f’diffikultajiet fuq il-baħar, ittella’ kumment dwar grupp ta’ immigranti li ġew ritornati l-Libja fosthom tarbija li twieldet waqt vjaġġ.
Scavo, li xehed li kien ġurnalist mal-ġurnal Taljan Avvenire, ilmenta li f’wieħed mill-kummenti Gafà kiteb il-frażi “stop your dirty business if not we will be stopping you” u ħassu mhedded. Huwa lmenta wkoll mill-fatt li meta staqsa lil Gafà għal min kien qed jirreferi meta qal il-kelma “we”, dan ma weġbux.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti bdiet billi osservat li l-media ħielsa, indipendenti u pluralistika bbażata fuq il-libertà tal-informazzjoni u l-espressjoni hi element kruċjali ta’ kull demokrazija li tiffunzjona. Qalet ukoll li l-ġurnalisti għandhom jitħallew jagħmlu xogħolhom mingħajr biża’ jew theddid.
“Minkejja dan il-Qorti hi tal-fehma li filwaqt li l-libertà tal-esperessjoni ta’ kull persuna hi dritt fundamentali u sagrosant, din il-liberta trid tiġi rispettata minn kulħadd u li jekk wieħed jagħżel li jesprimi ruħu b’ċertu mod irid ikun lest li jaċċetta li ħaddieħor jista’ wkoll jesprimi ruħu bil-mod kif jaħseb li hu xieraq u skont il-konvinzjonijiet tiegħu, dan dejjem jekk il-kummenti tiegħu ma jikkostitwixxux reat.”
Gafà kien spjega fl-istqarrija tiegħu li b’dak li kteb ma kellu l-ebda intenzjoni li jhedded lil ħadd iżda l-kumment kien biss wieħed politiku. Min-naħa l-oħra Scavo stqarr li ħassu bħala theddida, b’dan pero’ bl-ebda mod ma spjega dwar kif ħassu mhedded.
Il-Qorti qalet li ukoll li ma jirriżultax li Scavo fil-mument li l-imputat għamel it-tweet, tant ħassu turbat li għamel xi rapport mal-pulizija Taljana dwar dak li ġara, wisq inqas mal-pulizija. Kien biss wara li l-Pulizija Maltija ġiet ikkuntattjata minn terz li stiednet lil Scavo jagħmel kwerela, li kienet saret aktar minn xahar wara t-tweet inkwistjoni.
Il-Qorti qalet li ssib dawn il-fatti xejn konvinċenti. “Jekk wieħed iħossu daqshekk mhedded u turbat ma jħallix lill-Pulizija tistiednu biex jagħmel kwerela biex jipproteġi lilu nnifsu.”
Il-Qorti nnotat ukoll li l-ebda rappreżentant tal-Alarm Phone jew RescueMed ma tressqu bħala xhieda u li x-xhud imressaq mill-Prosekuzzjoni, ċioe Scavo, bl-ebda mod ma spjega x’fehem bl-allegata theddida tal-imputat. Kien għalhekk li fil-fehma tal-Qorti, ma ġewx sodisfaċentement ippruvati l-elementi kostituttivi tar-reat ta’ theddid.
“L-ewwel u qabel kollox, ma ġietx ippruvata xi intenzjoni ġenerika jew speċifika li l-imputat kellu li jagħmel xi ħsara lil Scavo jew terzi u fit-tieni lok Scavo nnifsu bl-ebda mod ma spjega b’liema mod huwa ħassu mhedded.”
“Din il-Qorti hija tal-fehma li l-imputat min-naħa tiegħu ipprova fuq bażi ta’ probabilità li l-kumment tiegħu ma kienx indirizzat bħala xi minaċċja fl-konfront ta’ Scavo jew terzi iżda kumment politiku fuq suġġett li madwaru jduru diversi sentimenti kunfliġġenti.”
Il-Qorti żiedet tirrimarka li Scavo ma ħa l-ebda pass qabel ġie kkuntattjat mill-Pulizija Maltija. “L-esperjenza ta’ din il-Qorti tgħallem li meta wieħed iħossu mhedded, speċjalment ġurnalist li kellu protezzjoni tal-Pulizija Taljana, immedjatament jirrapporta l-akkadut u mhux jiċċaqlaq għax xi ħadd jistiednu biex jiċċaqlaq.”
Għaldaqstant il-Qorti qalet li hi tal-fehma li Gafà bit-tweet tiegħu bl-ebda mod ma inġurja jew hedded lil Scavo jew xi persuni oħra bir-riżultat li l-ebda waħda mill-akkużi miġjuba kontrih ma ġew ippruvati u sussegwentement illiberatu minnhom.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Fabian Fleri u l-Ispettur Lydon Zammit. L-Avukat Edward Gatt assista lil Neville Gafà waqt li l-Avukat Cris Busietta deher għal Scavo.