Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Minn mindu kont għadni tifel kull ħarġa mal-familja jew mal-ħbieb kont nieħu l-ballun tal-futbol miegħi u noqgħod nilgħab. Meta kelli seba’ snin imbagħad isseħibt man-Nursery tan-Naxxar u l-imħabba tiegħi għall-futbol baqgħet tikber maż-żmien.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Naxxar Lions FC.
Mil-lat personali kuntent ħafna li qed inkun regolari mat-tim ta’ Naxxar fil-Malta Premier. Jiena bħala plejer dejjem nagħti l-massimu tiegħi fit-taħriġ ta’ kuljum biex ngħin lit-tim jimxi ‘l quddiem u nġibu r-riżultati li jistħoqqilna.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Naħseb li t-tim qed juri logħob tajjeb ħafna preżentament u qed jibqa’ jikber u jitjieb minn logħba għall-oħra.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
L-għan tagħna għal dan it-tieni rawnd huwa li ninżlu għal kull logħba bil-mira li nirbħu. Ovvjament l-akbar tragward tagħna huwa li nżommu postna fil-Malta Premier għal staġun ieħor.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Winston Muscat?
Naħseb li huwa kowċ bravu u organizzat ħafna. Għandu filosofija ta’ logħob u nemmen li t-tim għandu identitá ta’ logħob li jaħdem fuqha l-kowċ. Nemmen li jekk aħna l-plejers inkomplu nisimgħu mill-istruzzjonijiet tal-kowċ nistgħu bħala tim nilħqu pożizzjoni tajba f’dan it-tieni rawnd tal-kampjonat.
Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Naħseb li l-livell tal-futbol Malti qiegħed dejjem jiżdied fil-kwalitá tiegħu peró nemmen li fil-pajjiż tagħna għandna nuqqas ta’ faċilitajiet li ma tgħinx biex il-livell ikompli jogħla.
U dak tar riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Kif diġá semmejt naħseb li hawn nuqqas ta’ faċilitajiet għall-klabbs f’Malta. Dan meta tqis li ħafna mill-klabbs fil-Malta Premier ikollhom jikru grawnds ta’ klabbs oħra biex jitħarrġu l-plejers tagħhom. Meta jintlagħab il-logħob kompetittiv nemmen li jekk ninvestu fi stadia b’ħaxix naturali u bi struttura simili tat-Tony Bezzina Stadium, il-livell jogħla awtomatikament.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Ovvjament nimxu pass pass peró l-imħabba li għandi lejn il-futbol Malti hija kbira u nixtieq li nibqa’ nvolut fil-futbol Malti anke fil-futur.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol fih ħafna commitment u sagrifiċċju peró meta tkun tħobb il-logħba tal-futbol kull ħaġa pożittiva li tiġri fil-karriera toħloqlok pjaċir kbir, u fl-aħħar mill-aħħar is-sagrifiċċju li tkun qed tagħmel ikun ‘worth it’. Ngħid lill-plejers żgħażagħ biex qatt ma jaqtgħu qalbhom u jkomplu jaħdmu anke f’mumenti kemmxejn diffiċli li jgħaddi minnhom kulħadd fil-karriera tal-futbol.

