“Ix-xuxa kibret. Mur tqarweż ta”. Meta kont nisma’ dan l-kliem, kont niddarras ftit. Mhux għax kont niddejjaq nmur naqta’ ix-xagħar. Dan għax għand ‘Kanen’ jew għand il-‘Pajs’ kif konna nsibuhom, kont tkun qisek ġo każin. Tisma’ storja wara storja. Ibda minn xi jkunu raw fil-kaċċa, fl-insib u seksik ieħor ta’ xi jkun għaddej fir-raħal. Kien ikollu żewġ pultruni ħdejn xulxin. Daqqa tintuża waħda u daqqa oħra. Kien ikollu bħal imħadda fuq il-pultruna u jaqlibha ma’ kull klijent li jpoġġi. Id-diskursati kienu jogħġbuni. Kienet imma ddejjaqni dik l-għodda li nara fuq il-bank. Id-dehra tal-mus fuq il-bank, li bih kien ineħħi xagħar fuq in-naħa ta’ wara tal-għonq u jirranġa l-barbetti, kienet xi ħaġa li ma kinitx tinżilli, l-aktar meta narah juża l-mejlaq biex isinn il-mus. Jekk kien iwerwirni l-mus, il-Moppa kont nieħu gost biha. Din kienet bħal mopp żgħir ċkejken, qisu pinzell imma għat-tond. Il-barbier kien ibillu fit-terra u jibqa’ jxappap fuq il-wiċċ wara li jkun qaxxar il-leħja. U l-barbier dak iż-żmien kont issibu liebes il-gaġaġa bajda.
Ċikku Bartolo…magħrufa bħala
Il-‘Profs’…Bormliż u intiż fil-politika
Semmewli l-istorja ta’ Ċikku Bartolo. Kien twieled proprju fl-1899. Ismu proprja kien Francis kunjomu Bartolo. Għad hemm ħafna Bormliżi li jiftakruh b’nostalġija. Jispjegawlek li “Ċikku kien Bormliż. Dak iż-żmien kien hawn diversi parrukkiera. Illum spiċċaw. Kollox inbidel Kulħadd mgħaġġel llum. Qabel konna nmorru għand il-barbier bla għaġġla ta’ xejn u l-għors tagħna kien nitkellmu u niddiskutu b’dik in-naqra kafe jew te li kien jagħmlilna”.
Ċikku kien dħuli għall-aħħar. Kien persuna li lanqas tilħaq tiftaħ ħalqek li ma jibdiex parlata. Kien magħruf ukoll għall-opinjoni politika tiegħu. Magħruf għall-ħbiberija li kellu mal-perit Dom Mintoff u ma jistax jonqos li meta titkellem miegħu, kien se jaqbadhielek fuq il-politika.
Bormliż jgħaddili konversazzjoni li kienet saret ma’ Ċikku proprju fis-sena 1975. Dakinhar Ċikku kien qal li “ilni f’din is-sengħa għal 68 sena u bil-ħanut ta’ parrukkier għal dawn l-aħħar 61 sena. Jien twelidt fil-‘qatgħa ta’ silġ il-kbir’.” Jistaqsuh xi tfisser eżatt dik l-espressjoni u Ċikku jgħidlek li “din tfisser li “hu twieled fix-xahar kiesaħ ta’ Frar”.
Jgħid li “twelidt fl-20 ta’ Frar tas-sena 1899 u dakinhar inhar fit-triq fejn twelidt jien kienu twieldu seba’ trabi oħra. Illum (għas-sena 1975) jien biss għandi ħaj minnhom. Jien meta twelidt kelli biss seba’ xhur.”
Għaliex kienu jgħidulu l-Profs?
Din kienet domanda li ħafna jagħmluha. Hu kien iwieġeb b’ċertu kburija. Jgħidlek li l-klijenti tiegħu dejjem kienu nies ta’ professjoni u dari nies mill-irħula ta’ Malta b’mod partikolari madwar il-Kottonera, kienu jmorru jaqtgħu x-xagħrhom għandu. Qalli ukoll li l-esperjenza li għandu f’sengħetu, tistħoqq ħafna n-nomenklatura li ngħata. U għal min kien ikun xi ftit xettiku, hu kien jaqbad ktieb antik li kien irċevieh minn Milan wara kors fix-xagħar li kien għamel bil-korrispondenza fih. Ġo dak il-ktieb kien hemm il-modi kollha marbutin mal-qtugħ tax-xagħar. Ċikku kien isegwieh u wieħed jista’ jgħid li kien iservieh ta’ ċertifikat għall-klijentela tiegħu.
Kien jitkellem tajjeb ħafna
bit-Taljan….għax dik kienet il-lingwa ta’ tfulitu
Meta kien jitkellem fuq it-tfulija, isemmilek meta għamel il-priedka tal-Milied. Kienet għal qalbu wisq. Kien baqa’ jiftakar l-introduzzjoni tagħha bl-amment. Kienet tibda bil-Latin, tkompli bit-Taljan u mbagħad titkompla bil-Malti.
“Jekk qed tinnota nitkellem tajjeb it-Taljan u dan għax dari dik kienet l-unika lingwa li kienu jgħallmuna. L-Ingliż kienet qisha lingwa ta’ barra minn dawk iż-żminijiet”.
Ikompli jgħid li “dari ma kontx tista’ tagħmel il-Praċett qabel ikollok tmien snin. Niftakar li meta kien għad kelli biss ħames snin u meta rajt tfal oħra jagħmlu l-Praċett kont qbadt nibki tant li rnexxieli nikkonvinċi lil min kien inkarigat u spiċċajt għamilt il-Praċett fl-età ta’ ħames snin.
Hu kien qies dan bħala xi ħaġa kbira, tant li kien spiċċa daħal abbati u dam għal bosta snin. Kien mar imbagħad ikompli l-edukazzjoni tiegħu fis-Seminarju r-Rabat.
Jibda bix-xogħol ta’ barbier
Hu beda jaħdem bħala barbier ma’ wieħed Taljan. U ma jonqosx li jsemmilek lil dawk kienu jmorru jaqtgħu xagħrhom għandu dak iż-żmien. Meta jkun qiegħed isemmi lil dawn in-nies, wiċċu kien jixgħel. “Niftakar lill-Prim Ministru, Dom Mintoff. Dan ta’ daqxejn ta’ tifel, kien jiġi jaqta’ xagħru għandi. Kien ikun is-Sibt. Kont nerfgħu minn qaddu minn ntellgħu fuq is-siġġu. Kien tifel kwiet għall-aħħar. Kien joqgħod ftit passi bogħod minn fejn għandi l-ħanut. Għadni nara lil Duminku jippassiġġa fun il-bejt bi ktieb f’idu u ommu ssejjaħlu għal darba tnejn tlieta biex jitlaq il-ktieb minn idu u jinżel jiekol”.
“Duminku kellu erbatax-il sena meta kien jgħaddi minn quddiem il-ħanut tiegħi u ftit passi bogħod kien hemm kantina u kienu jiltaqgħu hemm dawk li kienu qegħdin jaħsbu kif iwaqqfu partit f’isem il-ħaddiema. Duminku kien mar għal xi snin jistudja f’Universitajiet fl-Ingilterra. Ismu kien diġa qiegħed jissemma” sew minkejja li kien għadu student”.
Kliem ta’ tifħir għal Mintoff…..li spiss kien
ikun fuq l-aġenda fil-ħanut tiegħu
Ċikku bil-passjoni kbira li kellu lejn Mintoff kien iħobb jirrakkonta episodju. Jgħidlek li isem MIntoff kien sar sinonimu ma’ l-aqwa universitajiet fir-Renju Unit. Kien jisħaq li “peress li Mintoff kien jiġi dejjem l-ewwel fl-eżamijiet, ir-Re Ġorġ kien ried isir jaf mill-qrib lil dan Mintoff. Kien bagħat għalih u qallu ‘ilni nisma’ ħafna bik. Bil-mod li int miexi għad issir xi ħaġa kbira’.
Kienu jgħidu li ‘Ċikku ta’ Manwel Dimech’…’smajt
qassis iħeġġeġ lin-nies biex iħaġġru lil Dimech’
Ma kienx jonqos li jitkellem ukoll fuq Manwel Dimech. “Dażgur li nafu. Dak iż-żmien meta kienu jarawni fit-triq kienu jgħidu – ‘dan hu ta’ Dimech’. Kien raġel fuq l-irġiel dak il-bniedem u kien jobogħdu min irid għax Dimech qatt m’għamel deni lil xi ħadd”.
Ċikku kien jispjega li l-argumenti li kienu jġibu biex il-poplu jistmerr lil Dimech kien minħabba li kien ressaq il-proposta li kien ikun aħjar kieku n-nisa jilbsu l-qalziet twil flok id-dublett. Dakinhar dan is-suġġeriment tqies bħal li ntqalet xi ereżija u għall-ħsibijiet progressivi bħal dawn, DImech ġab fuqu l-istmerrija tal-parti l-kbira tal-poplu Malti.”
Jenfasizza li hu kellu l-akbar rispett lejn Dimech u li kien illum li beda jifhem aħjar għaliex Dimech kellu tant nies m’għaddbin għalih. “Għadni niftakar darba nisma’ qassis fuq iż-żuntier tal-knisja f’Ħal Qormi li qal lin-nies li jekk taraw lil Manwel Dimech ħaġġruh”.
Fl-1915 ra l-ewwel ajruplan f’Malta…
…’tbellaħna’
U Ċikku magħruf għar-rakkonti tiegħu, kien spiss jitkellem dwar dehra li kienet saħħritu. Dik ta’ meta ra l-ewwel ajruplan itir fl-ajru. Kien fis-sena 1915. Fi kliemu stess kien hemm għors sħiħ meta fis-sena 1915 ra għall-ewwel darba ajruplan itir fl-ajru. Kien iż-żmien li f’Malta waslu l-ewwel ajruplani. Ċikku jgħid li “dan bellaħna. Kien qisu tajra. Jitbiegħed u jiċkien fl-ajru, qisu ma jżomm ma’ xejn”.
U Ċikku jqabbel l-ajruplan mat-tiftix biex jaraw il-kometa. Jgħid li kienu jfittxu li jaraw il-kometa. Hu jgħid li din kienet tkun qisha mara twila b’xagħra twil. Kien jiftakar sew li dehret kometa fis-sena 1914. Dakinhar in-nies kollox kienu qalu. Is-superstizzjonijiet kienu qawwija. Oħrajn kienu erħilhom ibeżżgħu u jaqilgħu minn żniedhom. “Dak inhar minn kollox kienu qalu. Ħafna bdew ibassru li kien ġej il-gwaj”.
Jisħaq li “hekk kien. Dawk li bassru li dik il-kometa kienet tfisser li x’imkien viċin Malta kellu jseħħ xi tip ta’ gwaj, ingħataw raġun. Filfatt f’dik is-sena kien miet l-Isqof ta’ Malta Pietru Pace, warajh miet il-Papa Piju X, u faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Dawn saru fl-istess ftit ġimgħat”, kien jisħaq il-Profs.
Jitkellem dwar it-Tieni Gwerra Dinjija
Jitkellem fuq l-Ewwel u fuq it-Tieni Gwerra Dinjija. Jgħid li t-Tieni Gwerra kienet ferm iżjed qalila mill-ewwel gwerra. Kien jgħidlek li fl-ewwel gwerra Malta batiet minn skarsezza ta’ zokkor u pitrolju, imma t-tieni waħda barra skarsezza kbira ta’ ikel, ġabet magħhja imwiet ta’ ħafna Maltin.
Is-sengħa ta’ parrukkier
Dwar is-sengħa tiegħu, Ċikku jgħid li “is-sengħa tagħna qiegħda tbatti. L-ommijiet żgħażagħ ħadulna xogħlna u qed jaqtgħu xagħar uliedhom f’darhom stess. Terġa u tgħid illum (1975), il-moda hi li kulħadd iħalli xagħru twil u jiġu għandi dawk pjuttost tampari.” Kien jitkellem b’dieqa dwar dan. Jaqbad il-famuż pitazz li kellu u li fih kien iżomm il-kontijiet. Jiftħu u juriu li dik is-sengħa għal min għandu l-età tiegħu ma kienx fadlilha qliegħ. Jgħidlek li l-ħanut kien jiftħu aktar milli biex jaqla’ l-flus biex jehda. “Xogħli għamiltu. Ġieli kont indum iljieli bix-xogħol meta l-moda tax-xagħar kienet fl-aqwa tagħha”.
U l-barbiera tradizzjonali
illum kważi sparixxew
U llum il-barbiera tradizzjonali nistgħu ngħidu li kważi sparixxew. Fadal waħdiet minnhom u dawk il-ħwienet tagħhom b’dawk ir-ritratti imwaħħlin illum qegħdin jinbidlu fi ħwienet mill-aktar moderni. Kien għad fadal wieħed iż-Żejtun u għalaq proprju ftit xhur ilu. Il-barbiera, forsi għax minn natura tax-xogħol tagħhom jaqbdu l-konversazzjonijiet, dejjem kont issibhom dħulin. Tpoġġi fuq îl-pultruna u erħilhom jibdew konversazzjonijiet, li imbagħad iddur minn suġġett għal ieħor. Il-barbiera Maltin konta anke issibhom fuq il-bastimenti militari. Kont bqajt skantat snin ilu, metą kont tlajt fuq l-HMS London u hemmhekk sibt barbier Malti jaqta’ ix-xagħar.

