Sunday, November 10, 2024

“Meta waqajt inti kont li erfajtni mill-art, u għallimtni nimxi”

Int Kollox – Kapitlu Tlettax

Aqra wkoll

Inreġġgħu lura l-arloġġ għal erba’ ġimgħat ilu, nfakkru li l-grupp tal-hip hop Malti Kapitlu Tlettax nieda s-silta Mument Mudlam iżda fi stqarrija ppubblikata fuq il-midja soċjali, il-grupp tenna li s-silta kellha titneħħa minħabba “raġunijiet li ma kellniex kontroll fuqhom”, b’mod partikolari s-“suġġett sensittiv”. Fil-jiem li għaddew iżda, wara diskussjonijiet varji, is-silta reġgħet ġiet ippubblikata permezz ta’ ritratt addatat bl-aħjar mod għaliha.

Dan l-episodju kien il-punt tat-tluq għal Int Kollox, silta li għalkemm kienet ġa bdiet tinħadem kellha tiġi mnedija fil-bidu tas-sena d-dieħla. Fatt interessanti ħafna dwarha hi li għall-ewwel darba fl-2022, Kapitlu Tlettax mhux qiegħed jikkolabora ma’ ħadd u għaldaqstant kemm il-kant, kif ukoll il-partijiet hip hop huma interpretatati minn Joseph Mario Calleja, il-wiċċ ta’ Kapitlu Tlettax.

Int Kollox hija s-sitt u l-aħħar rilaxx għas-sena 2022. Hi ssegwi: Għażiż u Ossiġnu, żewġ kollaborazzjonijiet ma’ Danica Muscat; In Memoriam, kollaborazzjoni ma’ Patrick Gaffiero u Dawid Szablowski; La Titlaqx, kollaborazzjoni ma’ Danica Muscat u Maria Cini u l-aħħar iżda mhux l-anqas Mument Mudlam, kollaborazzjoni ma’ Maria Cini.

“Din is-sena kienet waħda li lanqas biss rajniha għaddejja. Kien hemm ħafna tlajja’ u nżul li esperjenzajna magħkom, is-segwaċi tagħna, u nittamaw li Int Kollox tinżel għasel magħkom ukoll” jgħid Joseph Mario Calleja filwaqt li jżid jgħid “għal darb’oħra, din il-kanzunetta kienet ispirata minn storja vera, realta’ li forsi aħna lanqas biss nobsru li teżisti. Jiena tgħallimt ma’ nistagħġeb b’xejn u nittama li l-lirika ta’ din il-kanzunetta li tassew ktibt mill-qalb twassal lil xi wħud minnkom biex tieħdu l-pass li forsi ilkom tibżgħu tieħdu.”

Għalkemm dan huwa l-aħħar rilaxx tal-2022, il-grupp tal-hip hop Kapitlu Tlettax ġa qiegħed jippjana qatiegħ għas-sena 2023, fejn għat-tieni sena konsekuttiva ħa jkunu semifinalisti ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija. Wiċċ B’Ieħor hija kollaborazzjoni ma’ Julie Pomorski, b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u Joseph Mario Calleja, u kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar, Joseph Mario Calleja, Edward Magri u Julie Pomorski.

Jekk tixtiequ tisimgħu Int Kollox, intom tistgħu tagħmlu dan, hawn: http://facebook.com/kapitlu. Il-kanzunettagħandha produzzjoni ta’ Cyprian Cassar minn Somnio Recording Studios, bi promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.

Sport