Tuesday, May 14, 2024

“Metro proposta mill-PN tibda topera qabel dik li ppropona l-Gvern”

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamenti tal-PN Tony Bezzina fuq l-istess suġġett qal li biex pajjiż modern jagħmel progress ekonomiku u soċjali għandu bżonn ta’ sistema ta’ trasport effiċjenti u affordabbli. Huwa attakka lill-Gvern Laburista fejn allega li l-politika tiegħu hija nieqsa mill-viżjoni meħtieġa fejn saħaq li għal dawn l-aħħar 10 snin il-Gvern iffoka biex jitwessgħu t-toroq, proġetti li ma jħarsux lejn il-bżonnijet futuri tal-pajjiż. 

“Il-konsegwenzi huma li pajjiżna qiegħed jiffaċċja kriżi bla preċedent fil-qasam tat-trasport minħabba li kull filgħodu tieqaf fit-traffiku u waħda mill-problemi hija l-inċidenti li jinqalgħu u l-għexirien ta’ mwiet. Din il-problema hija sintomatika mal-problema li ma sarx investiment għal trasport tal-massa jew trasport alternattiv li jagħtu soluzzjoni vijabbli biex persuna tuża lilhom u mhux il-vettura privata,” spjega Bezzina.

Huwa attakka l-miżura tat-trasport bla ħlas għal kulħadd fejn sostna li, “l-prezz mhuwiex se jsolvi l-problema u jattira lin-nies għax l-akbar problema hija n-nuqqas ta’ effiċjenza u affidabbiltà” tas-servizz. Min-naħa tiegħu huwa ssuġġerixxa fost l-oħrajn ikun hemm żieda fin-numru tal-karozzi tal-linja; żieda fil-frekwenza tagħhom; reviżjoni tar-rotot u titjieb fl-aċċess tal-wifi kemm fil-bus shelters, kif ukoll fuq tal-linja nfushom. Xi ħaġa oħra li skont huwa tista’ tgħin ukoll hija l-użu tar-roti b’infrastruttura apposta u inċentivi lill-privat ħalli jipprovdu showers għall-impjegati li jmorru għax-xogħol bir-rota.

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Bezzina filwaqt li semma’ proġett imħabbar mill-Gvern Laburista ta’ €37 miljun ta’ karriġġjati għar-roti, ippropona wkoll biex il-privat jibda jorganizza trasport komuni għall-ħaddiema. Huwa però, saħaq li, “il-ġist jibqa’ li hemm bżonn ta’ investiment f’sistema ta’ trasport tal-massa” u semma’ d-differenza bejn il-proposti tal-metro miż-żewġ partit ewlenin fejn, ovvjament, faħħar dik tal-PN li skont ma qal, tal-Oppożizzjoni għandha tibda ftit ftit minn sitt xhur u l-bqija titlesta u jopera f’mhux aktar minn ħames snin, mentri tal-PL, il-metro kieku ddum 20 sena biex topera. 

Tony Bezzina għalaq l-intervent tiegħu b’nota negattiva fejn qal li, “biex pajjiżna jsolvi l-problema tat-traffiku u nimxu ‘l quddiem, hemm bżonn li l-Gvern jammetti li żbalja u li jimplimenta l-proposti tal-PN. Ejja naħdmu flimkien ħalli darba għal dejjem insibu soluzzjoni għall-problema tat-traffiku. Jekk is-sitwazzjoni se tiggrava, din se tkun ta’ detriment fuq saħħet in-nies u fuq l-ekonomija tal-pajjiż”.

Sport