Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kellha ċċedi għall-pressjoni kbira wara li ġurnal Taljan kixifha li kienet se taħtar lir-raġel t’oħtha bħala ċ-Chief of Staff tagħha.
Din il-kariga li ġġor magħha salarju ta’ €20,000 fix-xahar kienet se tingħata li Matthew Tabone. Issa wara li ġurnal Taljan “kixef” il-pjani ta’ Metsola, fl-aħħar ħinijiet ħabbret li kienet se taħtar lil l-Ispanjola Leticia Zuleta de Reales Ansaldo f’dan l-irwol.
Meta l-ġurnal Taljan ‘Il Foglio’ staqsa dwar il-ħatra ta’ Tabone, kelliem għall-President tal-Parlament Ewropew iddefenda bil-qawwa kollha din il-ħatra. Fil-fatt fir-risposta l-kelliem ta’ Metsola qal li “l-President tal-Parlament Ewropew ma tistax tiddeċiedi min jinnamra ma’ min u kulħadd jista’ jħobb lil min irid.”
Intant, il-Partit Laburista fi stqarrija li ħareġ dwar dak li ġie żvelat li pprovat tagħmel Metsola qal li “fl-iktar mument sensittiv għall-Parlament Ewropew, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ħadet deċiżjonijiet li komplew jitfgħu dubji fuq il-kredibbiltà tagħha. Wara li sal-lum stess iddefendit il-ħatra tar-raġel t’oħtha bħala l-Kap tal-Kabinett ma’ ġurnal Taljan bl-iktar mod arroganti, hi kienet kostretta treġġa’ lura din il-ħatra riżultat ta’ kritika kbira fl-aħħar sigħat. Kritika li kompliet tnaqqar il-kredibbiltà tagħha.”
Il-Partit Laburista qal li l-mossa li ridet tagħmel Metsola kienet parti minn sensiela ta’ deċiżjonijiet fl-aħħar xhur maħsuba biex jaqdu lil tal-qalba u li saħansitra ġew kritikati minn għaqdiet u s-soċjetà ċivili internazzjonali. Dawn huma deċiżjonijiet li jnisslu rabja wkoll għax huma deċiżjonijiet ipokriti ta’ min jgħid mod u jagħmel ieħor.
L-istqarrija tkompli tgħid li “tant li dan kollu sar f’mument fejn hi wegħdet li kellha taġixxi biex tibda tneħħi mid-dubju li nħoloq fuq il-Parlament Ewropew bi skandlu kbir ta’ allegata korruzzjoni.
B’azzjonitha għamlet il-kontra u rtirat biss għax inkixfet kmieni u ffaċċjat kritika lokali u internazzjonali. Tant hu hekk li sa dalgħodu hi kienet għadha qed tiddefendi l-ħatra tar-raġel t’oħtha. B’azzjonitha tat raġun lil min qal li fiċ-ċrieki li hi midħla tagħhom hi hemm kultura ta’ impunità,” ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.